Skip to main content

FAQs

X’dokumenti għandi bżonn biex nagħti prova tal-eliġibbiltà tiegħi?

Question categories:

Staff permanenti - kompetizzjonijiet miftuħin:

Trid tipprovdi dokumenti ta’ sostenn biex tikkonferma l-informazzjoni ddikjarata fl-applikazzjoni tiegħek (identità, edukazzjoni, u esperjenza professjonali), kif ġej:

1. Identità: Trid tipprovdi kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport validu tiegħek.

2. Edukazzjoni u kwalifiki

  • Applowdja d-diploma sekondarja tiegħek (għall-kompetizzjonijiet AST-SC / AST) jew d-diploma postsekondarja tiegħek (għall-kompetizzjonijiet AST u AD) flimkien mal-lista tal-korsijiet li segwejt.
  • Kun ċert li tinkludi d-diploma li tagħtik aċċess għall-kompetizzjoni kif meħtieġ fl-Avviż tal-Kompetizzjoni, il-punt 3.3. “Kundizzjonijiet speċifiċi — kwalifiki u esperjenza ta’ xogħol” u li ismek, it-timbri, il-firem u n-numri tas-serje tiegħek (jekk applikabbli) huma viżibbli.   
  • Żid prova ta’ kwalunkwe traineeship u taħriġ rilevanti, dment li jikkontrbwixxu għall-issodisfar tar-rekwiżit ta’ eliġibilità (jekk jogħġbok irreferi għall-Avviż tal-kompetizzjoni).

    Lawrji, diplomi u/jew ċertifikati, kemm jekk maħruġa f’pajjiżi tal-UE kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE. 
    Ara wkoll: Taċċettaw il-kwalifika/id-diploma tiegħi maħruġa f’pajjiżi mhux tal-UE?

3. Esperjenza professjonali:

Trid tipprovdi dokumenti li juru n-natura tad-dmirijiet tiegħek u t-tul ta’ żmien tal-esperjenza tiegħek. Perjodi ta’ esperjenza professjonali li mhumiex appoġġjati minn deskrizzjoni tal-impjieg ma jitqisux mill-Bord ta’ Selezzjoni. Jekk jogħġbok innota li mhi meħtieġa l-ebda esperjenza professjonali għall-kompetizzjoni tal-amministraturi tal-gradwati (AD5).

Hawn taħt hawn xi eżempji tat-tip ta’ dokumenti li l-kandidati għandhom jipprovdu:

3.1: Għal xogħol b’salarju

  • Dokumenti mill-impjegatur(i) attwali u preċedenti li jiddikjaraw in-natura u l-livell tad-dmirijiet imwettqin bħal ittri mis-superjur ġerarkiku, rapporti ta’ evalwazzjoni li jiddeskrivu l-kompiti tiegħek, deskrizzjonijiet tax-xogħol ipprovduti mill-impjegatur tiegħek, kuntratti inklużi deskrizzjonijiet dettaljati tad-dmirijiet imwettqin.
  • Kuntratt(i) ta’ impjieg bid-data tal-bidu u tat-tmiem, jew l-ewwel u l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-paga.

Id-dokumenti kollha jridu jkunu datati, jinkludu ismek u jkollhom l-intestatura uffiċjali tal-kumpanija, it-timbru, kif ukoll l-isem u l-firma tal-persuna responsabbli.

3.2: Għal dawk li jaħdmu għal rashom / professjonijiet liberi: 

  • Fatturi, kuntratti, formoli tal-ordni  
  • Korrispondenza bl-email
  • Minuti tal-laqgħat
  • Dokumenti tat-taxxa
  • Prova ta’ sħubija f’assoċjazzjoni professjonali

Informazzjoni importanti

  • Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jiġu sottomessi fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u jridu jiġġustifikaw l-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek. Kull entrata tas-CV tiegħek (edukazzjoni, esperjenza professjonali) trid tkun appoġġjata mid-dokumenti rilevanti; inkella ma tiġix ikkunsidrata. 
  • Hi r-responsabbiltà tal-kandidati li jipprovdu lill-Bord ta’ Selezzjoni bl-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa biex jivverifikaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni.
  • Jekk tonqos milli tipprovdi biżżejjed evidenza dokumentarja sal-iskadenza indikata fl-Avviż tal-Kompetizzjoni, tista’ titqies bħala mhux eliġibbli u eskluż mill-kompetizzjoni
  • B’mod ġenerali, mhu meħtieġ l-ebda dokument ta’ sostenn biex jiġi ppruvat l-għarfien lingwistiku (jekk jogħġbok iċċekkja l-Avviż tal-Kompetizzjoni għall-eċċezzjonijiet). 
  • Il-kandidati jistgħu jiġu kkuntattjati permezz ta’ email biex jipprovdu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali marbuta ma’ diploma jew esperjenza professjonali partikolari, f’każ li jkunu meħtieġa.

Kun ċert li tipprovdi d-dokumenti kollha li għandek għad-dispożizzjoni tiegħek u li int intitolat li tixxerja. Id-dokumenti tiegħek se jiġu ttrattati f’konformità mal-istqarrija ta’ privatezza tagħna.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok iċċekkja l-Avviż tal-Kompetizzjoni, b’mod partikolari t-taqsima “Dokumenti ta’ sostenn” u t-taqsima Eliġibbiltà.

Proċeduri ta’ selezzjoni tal-istaff kuntrattwali

Il-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-istaff kuntrattwali ma jistgħux japplowdjaw id-dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni/jiet CAST/P tagħhom fil-profil tal-EPSO tagħhom. 

Id-dokumenti ta’ sostenn se jintalbu fl-istadju tat-testijiet ta’ reklutaġġ u/jew qabel ir-reklutaġġ mis-servizzi ta’ reklutaġġ.

Il-kandidati jridu jkunu kapaċi jipprovdu dokumenti li jappoġġjaw l-informazzjoni ddikjarata fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom (kwalifiki, esperjenza professjonali, eċċ.). Is-servizzi ta’ reklutaġġ se jinfurmaw lill-kandidati dwar liema dokumenti jridu jiġu pprovduti (kopji jew oriġinali) u sa meta.

L-EPSO ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli speċifiċi applikati mis-servizzi ta’ reklutaġġ individwali. L-informazzjoni ta’ hawn taħt hija pprovduta għal skopijiet illustrattivi biss.

1. Identità: Trid tipprovdi kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport validu tiegħek.

2. Edukazzjoni u kwalifiki - Trid tipprovdi:

  • Kopji ta’ diplomi u/jew ċertifikati ta’ taħriġ li jagħtu prova ta’ kwalifiki edukattivi 
  • Għal diplomi jew ċertifikati maħruġa barra mill-UE: dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE

3. Esperjenza professjonali

Il-perjodi kollha ta’ attività professjonali jridu jkunu koperti minn dokumenti oriġinali jew iċċertifikati tad-dokumenti li ġejjin:

3.1: Għal xogħol b’salarju

 Dokumenti mill-impjegatur(i) attwali u preċedenti li jiddikjaraw in-natura u l-livell tad-dmirijiet imwettqin bħal ittri mis-superjur ġerarkiku, rapporti ta’ evalwazzjoni li jiddeskrivu l-kompiti tiegħek, deskrizzjonijiet tax-xogħol ipprovduti mill-impjegatur tiegħek, kuntratti inklużi deskrizzjonijiet dettaljati tad-dmirijiet imwettqin. 

                 Kuntratt(i) ta’ impjieg bid-data tal-bidu u tat-tmiem, jew l-ewwel u l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-paga.

Id-dokumenti kollha jridu jkunu datati, jinkludu ismek u jkollhom l-intestatura uffiċjali tal-kumpanija, it-timbru, kif ukoll l-isem u l-firma tal-persuna responsabbli.

3.2: Għal dawk li jaħdmu għal rashom / professjonijiet liberi: 

  • Fatturi, kuntratti, formoli tal-ordni  
  • Korrispondenza bl-email
  • Minuti tal-laqgħat
  • Dokumenti tat-taxxa
  • Prova ta’ sħubija f’assoċjazzjoni professjonali

3.3: Għal tradutturi freelance: Dokumenti li jiċċertifikaw il-perjodi ta’ ħin maħduma u l-għadd ta’ paġni tradotti

3.4: Għal interpreti freelance: Dokumenti li jiċċertifikaw in-numru ta’ jiem maħduma, u l-lingwi interpretati minnhom u lejhom.