Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Kategoriji tal-persunal tal-UE

Picture showing an older woman shaking the hand of a younger man

L-UE toffri impjieg f’diversi kategoriji tal-persunal: uffiċjali permanenti, persunal kuntrattwali u temporanju, esperti nazzjonali sekondati, trainees u oħrajn. 

Ikklikkja t-tabs hawn taħt biex issir taf aktar dwar id-dettalji tal-impjieg għal kull kategorija tal-persunal. 

Tista’ tiċċekkja wkoll it-taqsima Kif tapplika biex titgħallem aktar dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni għal kull kategorija tal-persunal. 

Ipprova t-testijiet kampjun tagħna biex tara liema ħiliet diġà għandek u x’oħrajn jista’ jkollok bżonn tiżviluppa biex tgħaddi b’suċċess mill-proċedura ta’ selezzjoni. 

Tista’ wkoll issir taf aktar dwar profili tal-Karrieri mal-UE differenti u l-opportunitajiet ta’ xogħol disponibbli.

Il-membri tal-istaff permanenti huma membri tas-servizz ċivili tal-UE maħturin għal żmien indefinit. Dawn jikkostitwixxu l-forza tax-xogħol ewlenija.

Hemm tliet kategoriji għall-uffiċjali permanenti tal-UE: Amministraturi (AD), Assistenti (AST) u Segretarji/Skrivani (AST/SC).

Amministratur

L-amministraturi jaħdmu f’diversi setturi bħall-ġustizzja, il-liġi, il-finanzi, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-affarijiet barranin, l-agrikoltura, l-ekonomija, l-IT, il-komunikazzjoni, ir-riżorsi umani, ix-xjenza, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. 

Id-dmirijiet jinkludu l-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni; it-twettiq ta’ ħidma ta’ analiżi u ta’ konsulenza; it-twettiq ta’ kompiti regolatorji il-parteċipazzjoni fin-negozjati internazzjonali; il-koordinament mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab; l-involviment maċ-ċittadini ir-reviżjoni u t-traduzzjoni ta’ testi legali tal-UE, fost ħafna oħrajn. 

Karriera ta’ amministratur tvarja bejn il-gradi AD 5 sa AD 16. Il-grad AD 5 huwa l-grad tal-livell ta’ dħul għal gradwati universitarji. il-gradi AD 15 u AD 16 huma riżervati għad-Diretturi Ġenerali. 

Is-selezzjoni u r-reklutaġġ jistgħu jkunu possibbli wkoll fi gradi AD 6 jew AD 7 fi profili aktar speċjalizzati. F’dan il-każ, il-kandidati se jkunu mistennija li jkollhom diversi snin ta’ sfond edukattiv rilevanti u l-esperjenza tax-xogħol se tkun meħtieġa għall-biċċa l-kbira tal-profili. 

Il-gradi AD 9 sa AD 12 huma meħtieġa għal karigi tal-maniġment intermedju. L-esperjenza fl-immaniġġjar preċedenti hija obbligatorja għas-selezzjoni u r-reklutaġġ f’dawn il-gradi ogħla.

Assistenti

L-assistenti huma tipikament involuti fi rwol eżekuttiv jew tekniku, billi jipprovdu appoġġ f’diversi oqsma bħall-finanzi, il-komunikazzjoni, l-amministrazzjoni, ir-riċerka, l-IT jew l-implimentazzjoni tal-politika, biex insemmu biss ftit minnhom. 

Karriera ta’ assistent tvarja bejn il-gradi AST 1 sa AST 11 u l-istaff normalment jidħol fil-gradi AST 1 jew AST 3. 

Segretarji/Skrivani - Staff ta' appoġġ
 
Is-segretarji u l-iskrivani huma ġeneralment involuti fl-immaniġġjar ta’ uffiċċju jew fl-għoti ta’ appoġġ amministrattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE. Id-dmirijiet tagħhom jinkludu l-iffinalizzar ta’ dokumenti u files; l-appoġġ tal-attivitajiet tal-unità jew tad-dipartiment (il-laqgħat, l-ivvjaġġar uffiċjali, id-djarju); il-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni (l-aġġornament tal-bażijiet tad-data, il-files); it-twettiq ta’ kompiti manwali.

Karriera ta' segretarju/skrivan tkopri l-gradi minn AST/SC 1 sa AST/SC 6. Staff ġdid normalment jidħol fil-gradi AST/SC 1 jew AST/SC 2. 

 

Ikseb aktar dettalji minn din it-tabella tas-salarji.

Skopri aktar dwar il-proċeduri tas-selezzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għall-istaff permanenti.

Hu possibbli li taħdem għall-UE fuq bażi ta’ kuntratt b’terminu fiss. 

L-aġenti (jew l-istaff) kuntrattwali jwettqu numru ta’ kompiti manwali jew amministrattivi u jistgħu jipprovdu kapaċità addizzjonali f’oqsma speċjalizzati fejn ikun disponibbli għadd insuffiċjenti ta’ uffiċjali. 

L-istaff kuntrattwali jiġi reklutat b’żewġ modi differenti: permezz tal-proċedura CAST Permanenti jew permezz ta’ proċess ta’ selezzjoni ad hoc

Fl-ewwel tip ta’ selezzjoni, il-kelma CAST tfisser Għodda ta’ Selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali filwaqt li Permanenti tfisser li hija miftuħa, b’ebda data tal-iskadenza għall-applikazzjoni.

Il-pożizzjonijiet CAST Permanenti huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ profili ta’ impjiegi. F’din is-selezzjoni, il-kandidati japplikaw għal profil u mhux għal pożizzjoni ta’ impjieg speċifika.

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu wkoll jirreklutaw staff biex jimlew pożizzjonijiet speċifiċi permezz ta’ pożizzjonijiet vakanti ta’ staff kuntrattwali ad hoc. F'dan il-każ, għal kull pożizzjoni vakanti tiġi stabbilita data tal-iskadenza għall-applikazzjoni

Hekk kif jinqalgħu ħtiġijiet ta’ staff kuntrattwali, jistgħu jiġu ppubblikati pożizzjonijiet vakanti ad hoc għal firxa wiesgħa ta’ profili bħal webmasters, uffiċjali tal-politika, lingwisti, koordinaturi tal-proġetti, uffiċjali tas-sigurtà, maniġers tal-inġinerija xjentifika, xufiera, speċjalisti tal-komunikazzjoni, riċerkaturi, biex insemmu biss ftit. 

Tgħallem aktar dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni kemm għall-CAST Permanenti kif ukoll għal pożizzjonijiet vakanti ta’ staff kuntrattwali ad hoc fil-paġna tagħna Kif tapplika.

Kemm fil-każijiet tal-CAST Permanenti kif ukoll dawk ad hoc, il-kandidati li jirnexxilhom jiksbu kuntratt se jiġu impjegati għal ammont fiss ta’ żmien. F’xi korpi u aġenziji tal-UE, il-kuntratti jistgħu jiġu estiżi għal tul ta’ żmien indefinit.

Il-pożizzjonijiet kollha ta’ staff kuntrattwali huma maqsumin f’erba’ gruppi ta’ funzjoni (livelli tal-karriera):
I.    Kompiti manwali u ta’ servizz ta’ appoġġ amministrattiv (FGI)
II.    Kompiti klerikali jew segretarjali, tmexxija tal-uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħra (FGII)
III.    Kompiti eżekuttivi, abbozzar, kontabbiltà u kompiti tekniċi oħra ekwivalenti (FGIII)
IV.    Kompiti amministrattivi, konsultattivi, lingwistiċi u kompiti tekniċi ekwivalenti (FGIV)

Ikseb aktar dettalji minn din it-tabella tas-salarji.

Sib opportunitajiet ta’ impjiegi disponibbli għall-istaff kuntrattwali.

L-istaff temporanju jiġi reklutat biex jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE għal ammont ta’ żmien stabbilit; dan jista’ jvarja minn ftit xhur sa ftit snin. 

Jistgħu jintalbu jwettqu kompiti ta’ appoġġ regolatorju, legali, xjentifiku jew finanzjarju;  imexxu analiżi tal-politika u tad-data; iwettqu kompiti tal-IT, amministrattivi, ta’ riċerka, ta’ komunikazzjoni u ta’ programmazzjoni, biex insemmu biss ftit minnhom.

L-istaff temporanju jkopri pożizzjonijiet li jeħtieġu tipi differenti ta’ kwalifiki u speċjalizzazzjonijiet, li jvarjaw minn pożizzjonijiet ta’ assistent għal pożizzjonijiet ogħla ta’ amministratur. 

Għall-pożizzjonijiet ta’ amministratur, l-istaff temporanju jista’ jiġi reklutat fi gradi li jvarjaw minn grad ta’ dħul AD 5 sa AD 6 jew ogħla. Bl-istess mod, il-gradi ta’ assistent jibdew f’AST 1 - AST 3 u jistgħu jkunu ogħla għal profili aktar speċjalizzati.

Ikseb aktar dettalji minn din it-tabella tas-salarji.

Tgħallem aktar dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għall-istaff temporanju.

Il-programmi ta’ traineeships tal-UE joffru lill-gradwati riċenti b’opportunità li jżidu l-ħiliet professjonali tagħhom, jespandu n-network tagħhom u jtejbu l-għarfien tagħhom dwar l-UE.

It-traineeships (jew internships) joffru għarfien tajjeb ħafna dwar il-ħidma tas-servizz ċivili tal-UE u huma disponibbli f’firxa wiesgħa ta’ oqsma: il-liġi, ir-riżorsi umani, l-ambjent, il-komunikazzjoni, il-finanzi, il-protezzjoni tad-data, ir-riċerka xjentifika, il-politika barranija, il-proprjetà intellettwali, flimkien ma’ ħafna oħrajn. 

Mill-Parlament Ewropew, sal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jew l-aġenziji tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji jorganizzaw traineeships tipikament għal ħames xhur

Biex tapplika għal traineeship, il-kandidati jrid ikollha lawrja universitarja. Ladarba jiġu reklutati, it-trainees se jwettqu kompiti simili għal dawk tal-amministraturi ta’ grad aktar baxx.

Il-biċċa l-kbira tat-traineeships huma mħallsa, normalment madwar €1,200 fix-xahar.

Sib aktar dettalji u kif tapplika fil-paġna ddedikata dwar it-traineeships

Tista’ tiċċekkja wkoll il-programm tal-Ambaxxaturi tal-Karrieri mal-UE tagħna għall-istudenti interessati li jippromwovu l-karrieri fl-UE fil-kampusijiet universitarji tagħhom.

L-Esperti Nazzjonali Sekondati (SNEs) huma impjegati taċ-ċivil ikkwalifikati mill-Istati Membri tal-UE li jġibu l-għarfien espert tagħhom lill-UE għal perjodu ta’ żmien fiss. 

L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE jirreklutawhom kull meta jkollhom bżonn staff bis-sett uniku ta’ ħiliet li joffru l-SNEs. Dawn jistgħu jvarjaw minn kompetenzi tekniċi, ta’ sigurtà, legali, finanzjarji, tal-IT, ta’ komunikazzjoni, tal-ikel jew tar-riżorsi umani, biex insemmu biss ftit.

L-iskambju tal-għarfien espert joħloq xenarju fejn jirbaħ kulħadd u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol effettivi u bla xkiel bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. 

Fi tmiem il-perjodu ta’ sekondar tagħhom, l-SNEs jieħdu magħhom l-esperjenza miksuba fl-UE fl-amministrazzjoni pubblika f’pajjiżhom.

Sib aktar dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni u l-opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli għall-SNEs.

Hemm diversi kategoriji oħra ta’ staff, bħal:
• Staff interim 
• Esperti tal-UE
• Assistenti parlamentari
• Lingwisti freelance
• Staff tal-manutenzjoni u tal-canteen

Sib aktar dwar dawn il-kategoriji u l-proċeduri li trid issegwi jekk tixtieq tapplika għalihom fil-paġna tagħna Kif tapplika.