Veru jew Falz? Miti u Fatti dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni tal-EPSO
F’diversi kontijiet tal-media soċjali, tiċċirkola b’abbundanza informazzjoni mhux uffiċjali dwar il-proċeduri ta’ selezzjoni tal-EPSO. Xi informazzjoni tista’ tkun vera u oħra falza. Huwa importanti li niddistingwu bejn il-miti u l-fatti. Din il-paġna għandha l-għan li tiċċara dan, u tgħin lill-kandidati prospettivi jiċċaraw id-dubji tagħhom.
Għandi ħafna għarfien u esperjenza professjonali imma l-uniku mod kif insir uffiċjal permanenti tal-UE hu li nikkompeti ma’ għexieren ta’ eluf ta’ applikanti.
Tabilħaqq, diversi kompetizzjonijiet, bħall-hekk imsejħa kompetizzjoni “Ġenerali AD5”, iżda wkoll xi kompetizzjonijiet f’oqsma speċjalizzati, bħall-Ekonomija, il-Liġi u l-Finanzi, jistgħu jattiraw għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini minn kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. Fil-każ ta’ kompetizzjonijiet aktar speċjalizzati, l-għadd ta’ snin ta’ esperjenza professjonali meħtieġa biex tapplika jista’ jwassal għal għadd iżgħar ta’ applikanti, iżda l-għadd ta’ parteċipanti xorta se jinvolvi eluf. Madankollu, il-kandidati prospettivi m’għandhomx iħossuhom skoraġġuti minħabba dan. It-tħejjija hija kruċjali biex jinkisbu riżultati tajbin u fuq is-sit web tagħna ssib riżorsi importanti biex tgħinek tipprepara minn qabel. Sib xi links utli hawn taħt:
• Rekwiżiti ta’ Eliġibbiltà Ġenerali u Speċifiċi
• Proċess ta’ selezzjoni
• Testijiet tal-EPSO
• L-IT u r-rekwiżit tekniċi għall-ittestjar online mal-fornitur il-ġdid tal-EPSO
• “X’għandek u X’m’għandekx tagħmel” għall-Ittestjar tal-EPSO
• Rakkomandazzjonijiet tal-istaff tal-EPSO
• FAQs
Il-kandidati li diġà qed jaħdmu għall-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom ċans aħjar li jgħaddu minn proċedura tal-għażla.
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE jiddefinixxu b’mod ċar il-qafas legali għall-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ selezzjoni tagħna. Il-proċeduri tal-għażla huma miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u ma ssir l-ebda distinzjoni bejn kandidati interni (jiġifieri persuni li diġà jaħdmu għas-servizz ċivili tal-UE) u esterni, peress li kwalunkwe kreditu addizzjonali mogħti lill-kandidati interni b’mod ċar jikkostitwixxi trattament mhux ugwali. Barra minn hekk, it-testijiet tal-EPSO huma anonimi.
Il-kandidati kollha jagħmlu testijiet ekwivalenti u l-istess kriterji ta’ eliġibbiltà huma applikati għall-kandidati kollha. Minkejja l-fatt li l-kandidati fl-istess kompetizzjoni ma jirċevux l-istess mistoqsijiet, il-livell ta’ diffikultà tat-testijiet individwali mogħtija lil kull kandidat hu identiku, u dan jiżgura trattament indaqs. Il-validità u l-affidabbiltà tal-kwestjonarji b’għażla multipla, pereżempju, ġew ikkonfermati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Qorti kkonfermat ukoll li dawn it-testijiet jikkonformaw mal-prinċipju ta’ trattament ġust u ugwali.
Tgħallem aktar dwar il-politika ta’ trattament ugwali tal-EPSO.
L-EPSO juża testijiet tal-ħiliet ta’ raġunament online (verbali, numeriku u astratt) biex inaqqas in-numri tal-kandidati.
L-objettiv ewlieni tat-testijiet tal-ħiliet ta’ raġunament tal-EPSO (verbali, numeriku u astratt) hu li jitkejlu l-kapaċitajiet ta’ raġunament ewlenin għall-uffiċjali futuri kollha tal-UE, u mhux li jitnaqqsu n-numri tal-kandidati. Dawn it-testijiet, li huma bbażati fuq riċerka stabbilita sew, għandhom l-aktar valur ta’ previżjoni għoli għall-prestazzjoni futura fl-impjieg (meta mqabbla ma’ testijiet ibbażati purament fuq l-għarfien). Fl-istess ħin, it-testijiet online jippermettu lill-EPSO jittestja għadd sinifikanti ta’ kandidati b’mod effiċjenti, filwaqt li jipprovdi lill-kandidati b’aktar flessibbiltà, f’konformità mad-dinja diġitalizzata tal-lum, u b’hekk il-proċess kollu tal-ittestjar isir “aktar ekoloġiku” u aktar aċċessibbli għall-maġġoranza l-kbira tal-kandidati, kull fejn ikunu.
Ġibt marki baxxi fit-test tal-ħiliet tar-raġunament verbali, avolja għamiltu bil-lingwa nattiva tiegħi.
It-test tar-raġunament verbali mhuwiex test tal-lingwa, jiġifieri punteġġ baxx ma jimplikax nuqqas ta’ profiċjenza f’dik il-lingwa. It-test ikejjel biss il-ħiliet ta’ raġunament verbali. It-testijiet ta’ raġunament għandhom rwol importanti kritiku fil-valutazzjoni peress li x-xogħol ta’ kuljum tal-uffiċjali tal-UE jistrieħ ħafna fuq l-abbiltà tagħhom li jirraġunaw u jifhmu informazzjoni kumplessa. Il-livelli ta’ diffikultà tal-kwestjonarji b’għażla multipla huma deċiżi mill-Bord ta’ Selezzjoni ta’ kull kompetizzjoni, u għalhekk jistgħu jvaraw minn kompetizzjoni għal oħra. B’hekk ħadd m’għandu jqabbel il-punteġġ tiegħu fi proċeduri ta’ selezzjoni differenti.
Il-kwalità tat-traduzzjoni tal-elementi tat-testijiet b’xi lingwi hi aħjar milli b’lingwi oħrajn.
L-elementi kollha tat-testijiet huma tradotti minn tradutturi professjonali fl-Istituzzjonijiet tal-UE u jgħaddu minn kontroll tal-kwalità rigoruż qabel jiġu rilaxxati. Regolarment jitwettqu kontrolli tal-kwalità tal-elementi tal-kwestjonarji b’għażla multipla (lingwa b’lingwa, mistoqsija b’mistoqsija, eċċ.) biex jiġu identifikati u korretti problemi possibbli li jista’ jkun hemm. L-elementi tat-test ikkontestati mill-kandidati huma suġġetti għal rieżami mill-Bord ta’ Selezzjoni u jekk jiġi kkonfermat li kienu ħżiena, jiġu newtralizzati għall-kandidati kollha li kellhom dak l-element partikolari. Dan jitneħħa wkoll mill-ġabra ta’ elementi tat-test għall-kandidati tal-futur. Minkejja dan, in-numru ta’ elementi li ġew newtralizzati s’issa kien verament baxx u jvarja bejn 0,09% u 0,33% meta mqabbel man-numru totali ta’ elementi b’għażla multipla disponibbli fil-bażi tad-data tal-EPSO.
Sib xi testijiet kampjun b’lingwi differenti għall-profili differenti fil-paġna tat-TESTS tal-EPSO.
Tgħallem aktar dwar il-kunċett ta’ “newtralizzazzjoni tal-elementi”.
Il-punteġġi tiegħi fil-kwestjonarju b’għażla multipla jvarjaw minn kompetizzjoni għal oħra!
Dan huwa normali. Hu importanti li tinnota li l-livelli ta’ diffikultà tal-kwestjonarji b’għażla multipla jiġu deċiżi mill-Bord ta’ Selezzjoni ta’ kull kompetizzjoni, u għalhekk jistgħu jvarjaw minn kompetizzjoni għal oħra. Għalhekk wieħed ma jistax iqabbel il-punteġġ ta’ kompetizzjoni ma’ ta’ kompetizzjoni oħra. Filwaqt li xi mistoqsijiet jistgħu jidhru simili jew jistgħu saħansitra jerġgħu jitfaċċaw, b’aktar minn 80 000 mistoqsija fil-bażi tad-data tiegħu, l-EPSO għandu wieħed mill-akbar banek ta’ dan it-tip fid-dinja, skont l-esperti fil-qasam, u l-varjazzjonijiet fil-punteġġ minn kompetizzjoni għal oħra jseħħu.