Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Kif se jiġu vvalutati l-kwalifiki u l-esperjenza tiegħi?

Question categories:

Is-Sejħa għal espressjoni ta’ interess (ara t-Taqsima 3) tiddefinixxi biss ir-rekwiżiti bażiċi għall-kwalifika u l-esperjenza, li jistgħu jinstabu wkoll fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti speċifiċi se jiġu definiti mis-servizzi ta’ reklutaġġ skont il-ħtiġijiet u l-postijiet battala tagħhom. Is-servizzi ta’ reklutaġġ se jivvalutaw l-eliġibbiltà tal-kandidati abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn li se jitolbu lill-kandidat jipprovdi. Dan jista’ jsir fl-istadju tat-testijiet ta’ reklutaġġ u/jew qabel ir-reklutaġġ.

L-EPSO ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli f’diversi servizzi ta’ reklutaġġ meta jivvaluta l-kwalifiki u/jew l-esperjenza tal-kandidati. Dan li ġej għandu jitqies biss bħala illustrazzjoni mhux vinkolanti tar-rekwiżiti li jistgħu japplikaw.

Kwalifiki edukattivi

Lawrji, diplomi u/jew ċertifikati, kemm jekk ikunu nħarġu f’pajjiżi tal-UE kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE, iridu jiġu rikonoxxuti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE.

Esperjenza professjonali

  1.  Biex tiġi kkunsidrata, l-esperjenza professjonali trid tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

    a) Trid tinkiseb wara li tinkiseb il-kwalifika edukattiva minima meħtieġa indikata fl-avviż tal-kompetizzjoni;
    b) Trid tikkostitwixxi xogħol ġenwin u effettiv;
    c) Trid tkun ġiet remunerata;
    d) Trid tinvolvi relazzjoni professjonali, jiġifieri tkun parti minn struttura organizzattiva jew tipprovdi servizz;
    e) Trid tkun konformi mal-kriterji ta’ rilevanza definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni.

  2. L-esperjenza professjonali elenkata hawn taħt tista’ tiġi kkunsidrata wkoll fid-dawl ta’ regoli speċifiċi, pereżempju:

    a) Fil-każ tax-xogħol volontarju, “remunerazzjoni” għandha tinftiehem bħala kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta, inkluż ir-rimborż tal-ispejjeż u l-kopertura tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, ix-xogħol volontarju għandu jinvolvi sigħat fil-ġimgħa u tul ta’ żmien simili għal impjieg regolari.

    b) Fil-każ tat-traineeships, “remunerazzjoni” għandha tinftiehem bħala kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta, inkluż ir-rimborż tal-ispejjeż u l-kopertura tal-assigurazzjoni. Traineeship obbligatorju li huwa parti minn programm ta’ studju, jista’ jitqies sakemm (i) it-traineeship isir wara li tinkiseb il-kwalifika edukattiva minima indikata fl-avviż tal-kompetizzjoni, u (ii) t-traineeship ikun imħallas.

    c) Traineeship obbligatorju li huwa parti minn programm li jwassal għal, jew hu prekundizzjoni għar-reġistrazzjoni ma’ assoċjazzjoni professjonali sabiex jinkiseb id-dritt li wieħed jipprattika professjoni (pereżempju, l-ammissjoni fil-kamra tal-avukati) jista’ jitqies irrispettivament minn jekk ix-xogħol kienx imħallas jew le. Madankollu, meta x-xogħol ma jkunx tħallas, il-perjodu tat-traineeship jista’ jitqies biss jekk il-programm ikun tlesta b’suċċess u jkun inkiseb id-dritt li wieħed jipprattika. Fil-każijiet kollha, jitqies biss it-tul ta’ żmien obbligatorju minimu.

    d) Is-servizz militari obbligatorju li jkun seħħ qabel jew wara l-kisba tal-kwalifika edukattiva minima meħtieġa indikata fl-avviż tal-kompetizzjoni se jitqies, inkluż jekk ma jissodisfax il-kriterji ta’ rilevanza definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni, iżda biss għal perjodu li ma jaqbiżx it-tul obbligatorju fl-Istat Membru rilevanti.

    e) Jista’ jitqies il-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-adozzjoni jew tal-ġenituri biss jekk ikun kopert f’kuntratt ta’ xogħol.

    f) Fil-każ ta’ dottorat, il-perjodu meqjus m’għandux jaqbeż it-tliet snin, sakemm id-dottorat ikun inkiseb, u irrispettivament minn jekk ix-xogħol kienx imħallas.

    g) Il-perjodu meqjus f’każijiet ta’ xogħol part-time għandu jiġi kkalkulat pro rata, eż. xogħol ta’ nofs il-ħin għal sitt xhur jgħodd bħala tliet xhur.