Staff kuntrattwali
L-istaff kuntrattwali jwettaq numru ta’ kompiti manwali jew amministrattivi u jista’ jipprovdi kapaċità addizzjonali f’oqsma speċjalizzati meta jkun hemm numru insuffiċjenti ta’ uffiċjali.
Ġeneralment jiġi reklutat għal kuntratti b’terminu fiss (massimu ta’ 6 snin fi kwalunkwe Istituzzjoni tal-UE), iżda f’xi każijiet jista’ jiġi offrut kuntratti għal żmien indefinit (f’uffiċċji, aġenziji, delegazzjonijiet jew rappreżentanzi).
Il-pożizzjonijiet ta’ staff kuntrattwali huma disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ profili ta’ impjiegi.
Hekk kif jinqalgħu ħtiġijiet ta’ staff kuntrattwali, jistgħu jiġu ppubblikati pożizzjonijiet vakanti ad hoc għal firxa wiesgħa ta’ profili bħal webmasters, uffiċjali tal-politika, lingwisti, koordinaturi tal-proġetti, uffiċjali tas-sigurtà, maniġers tal-inġinerija xjentifika, xufiera, speċjalisti tal-komunikazzjoni, riċerkaturi, biex insemmu biss ftit.
Sir af aktar dwar il-proċess ta’ selezzjoni.
Il-pożizzjonijiet kollha ta’ staff kuntrattwali huma maqsumin f’erba’ gruppi ta’ funzjoni (livelli tal-karriera):
| Gruppi ta’ funzjonijiet (FG) | Grad | Kompiti |
| FG IV | 13 sa 18 | Kompiti amministrattivi, konsultattivi, lingwistiċi u tekniċi ekwivalenti, imwettqa taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew tal-istaff temporanju. |
| FG III | 8 sa 12 | Kompiti eżekuttivi, kompiti ta’ abbozzar, tal-kontijiet u tekniċi ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew tal-istaff temporanju. |
| FG II | 4 sa 7 | Kompiti klerikali u segretarjali, kompiti ta’ amministrazzjoni ta’ uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħra, imwettqa taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew tal-istaff temporanju. |
| FG I | 1 sa 3 | Kompiti ta’ servizz ta’ appoġġ manwali u amministrattiv, imwettqa taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew tal-istaff temporanju. |
Sib aktar dettalji f’din it-tabella tas-salarji (applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2024).