Iva, tista’ tapplika għal kwalunkwe proċess ta' selezzjoni li int eliġibbli għalih, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-Avviż/fis-Sejħa. Jekk jogħġbok innota li tista’ tissottometti applikazzjoni waħda għal kull profil u/jew grupp ta’ funzjoni.
Nista’ napplika għal diversi proċessi ta' selezzjoni, profili u/jew gruppi ta’ funzjoni?
Meta hija l-iskadenza għar-reġistrazzjoni?
L-iskadenza għar-reġistrazzjoni se tkun iddikjarata b’mod ċar fuq kull Avviż/Sejħa u fis-sit web tal-EPSO.
Ma nistax nilloggja fil-Profil tal-EPSO tiegħi jew nikkonsultah, x’għandi nagħmel?
Ara li qed tuża l-login u l-password korretti (ara “Insejt il-username/login? / Insejt il-password?”).
Ftakar: ma għandekx permess toħloq aktar minn Profil tal-EPSO wieħed, iżda f’każ li l-Profil tal-EPSO tiegħek tħassar, tista’ toħloq wieħed ġdid għall-applikazzjonijiet futuri tiegħek. Il-Profil tal-EPSO tiegħek għandu mnejn tħassar skont l-istqarrija ta’ privatezza dwar il-protezzjoni tad-data personali. Fil-qosor, b’mod regolari nħassru l-kontijiet li ġejjin:
Il-Profili tal-EPSO bla applikazzjonijiet u li nħolqu aktar minn sena ilu
Il-Profili tal-EPSO tal-anqas b’applikazzjoni waħda, u fejn l-applikazzjonijiet kollha tiegħek jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin:
Int tpoġġejt fuq Lista ta’ Riżerva ta’ kandidati li għaddew u kont reklutat aktar minn sena ilu;
Int tpoġġejt fuq Lista ta’ Riżerva ta’ kandidati li għaddew u ma kontx reklutat, iżda l-Lista ta’ Riżerva issa hi magħluqa;
Ma tpoġġejtx fuq Lista ta’ Riżerva ta’ kandidati li għaddew u l-proċedura ta’ selezzjoni ngħalqet aktar minn sena ilu.
Jista’ jkollok profil wieħed biss tal-EPSO u tista’ tiġi eskluż f’kull stadju tal-proċedura tal-għażla minħabba li jkollok aktar minn profil wieħed.
Tista’ tiċċekkja jekk diġà għandekx Profil tal-EPSO hawnhekk: Insejt il-username/login? Daħħal wieħed wieħed l-indirizzi tal-email kollha li stajt użajt biex toħloq Profil tal-EPSO u ċċekkja jekk tirċevix messaġġ f’dak l-indirizz tal-email.
Imbagħad tista’ wkoll tirkupra l-password biex terġa’ taċċessa l-profil tal-EPSO tiegħek: Insejt il-password?
Jekk xorta waħda ma tistax tilloggja, jekk ma tistax tiftakar l-email fil-Profil tal-EPSO tiegħek jew m’għadx għandekx aċċess għalih, jekk jogħġbok ikkuntattjana immedjatament. Jekk tibgħatilna kopja tal-ID jew tal-passaport tiegħek u tipprovdilna l-indirizz tal-email il-ġdid tiegħek, nistgħu nbiddlu l-email fil-Profil tal-EPSO tiegħek.
Jekk ikollok bżonn tbiddel l-indirizz tal-email tiegħek u għad għandek aċċess għal dak illinkjat mal-Profil tal-EPSO tiegħek:
Tista’ tbiddel l-indirizz tal-email ta’ komunikazzjoni tiegħek fil-profil tal-EPSO tiegħek stess, billi tikklikkja fuq “Data personali” u mbagħad fuq “Editja d-data personali tiegħi”. Tinsiex tissejvja wara li tkun daħħalt il-bidla.
Ladarba tillinkja l-indirizz tal-email il-ġdid tiegħek mal-profil tal-EPSO tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattjana b’mod urġenti permezz tal-formola ta’ kuntatt biex tikkonferma li lestejt il-bidla, sabiex inkunu nistgħu ninfurmaw lill-kuntrattur tagħna dwar il-bidla fl-indirizz tal-email tiegħek.
Jekk ikollok bżonn tbiddel l-indirizz tal-email tiegħek u m’għadx għandek aċċess għal dak illinkjat mal-profil tal-EPSO tiegħek:
Jekk jogħġbok ibgħatilna messaġġ ġdid permezz tal-formola ta’ kuntatt flimkien mal-kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport tiegħek li turi d-data tat-twelid tiegħek. Imbagħad inkunu nistgħu nidentifikawk fis-sistema u nbiddlu l-indirizz tal-email għalik.
Hemm appoġġ għar-rilokazzjoni?
Hekk kif tirċievi u taċċetta offerta ta' impjieg, is-servizzi tal-HR tal-istituzzjonijiet fi Brussell u l-Lussemburgu se jgħinuk tissetilja. B'mod partikolari, se jgħinuk issib fejn toqgħod (inkluża l-verifika tal-kuntratt tal-kera tiegħek). Jiġu organizzati wkoll Ġranet ta' Informazzjoni biex jgħinu lill-partners ta’ staff ġdid jissetiljaw f'ħajja ġdida f'pajjiż ġdid.
Kemm Brussell kif ukoll il-Lussemburgu joffru skejjel nazzjonali, Ewropej u internazzjonali eċċellenti. Is-servizzi msemmija hawn fuq jistgħu jgħinuk tagħmel kuntatt mal-crèches, il-playgroups u faċilitajiet oħra.
Nista’ naħdem xi mkien ieħor minbarra Brussell jew il-Lussemburgu?
80% tal-impjiegi huma offruti fi Brussell u l-Lussemburgu.
Il-Kummissjoni Ewropea għandha rappreżentanzi f'kull pajjiż tal-UE. Il-Parlament Ewropew ukoll għandu uffiċċju ta' informazzjoni f'kull pajjiż tal-UE u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu delegazzjonijiet f'postijiet madwar id-dinja.
L-UE għandha wkoll ħafna aġenziji u entitajiet deċentralizzati bbażati f'pajjiżi differenti. Sib liema minn dawn huma bbażati f’pajjiżek.
Kemm iddum valida l-lista ta’ riżerva tiegħi?
Il-listi ta’ riżerva ġeneralment huma validi għal sena waħda (jew tliet snin għall-ispeċjalisti). Il-validità tista' tittawwal (mill-EPSO) skont il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet. Normalment tittieħed deċiżjoni ftit qabel ma tiskadi l-lista u din tiġi ppubblikata fis-sit web Karrieri mal-UE.
Il-validità inizjali ta’ lista tibda mill-mument li l-kandidati li jgħaddu jkunu notifikati li tqiegħdu fil-lista ta’ riżerva. Il-validità inizjali hija ppubblikata fil-paġna tal-Listi ta’ riżerva.
Kwalunkwe dewmien fil-pubblikazzjoni tal-lista fil-paġna tal-Listi ta’ riżerva m’għandu l-ebda impatt fuq il-proċess ta’ reklutaġġ innifsu.
Kif jirreklutaw l-istituzzjonijiet mil-listi tal-EPSO?
Kif ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol, l-istituzzjonijiet jivverifikaw il-profili tal-kandidati li għaddew u jinsabu fil-“lista ta’ riżerva” biex jidentifikaw lil dawk li jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet tagħhom (pereżempju, f’termini ta’ edukazzjoni, esperjenza professjonali u ħiliet lingwistiċi).
L-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jagħżlu li jippubblikaw il-pożizzjonijiet vakanti disponibbli għal kandidati li għaddew minn proċeduri ta’ selezzjoni rilevanti permezz tal-profil tal-EPSO tagħhom.
Il-pubblikazzjoni ta’ pożizzjonijiet vakanti fil-profil tal-EPSO tiegħek hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE. Huma jiddeċiedu liema pożizzjonijiet vakanti jiftħu għal liema lista/i ta’ riżerva.
Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali li diġà jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu qabel il-kandidati fuq lista ta’ riżerva.
L-għadd ta’ persunal impjegat mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa proporzjonali għad-daqs u l-funzjonijiet tagħhom.
Għal aktar informazzjoni, ara wkoll: Kif napplika għal impjieg ladarba nkun fil-lista ta’ riżerva?
Fejn nista' nikseb aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol?
Se ssib aktar informazzjoni fir-regolamenti tal-persunal.
Fejn se naħdem jekk niġi impjegat?
L-EPSO jorganizza proċeduri ta’ selezzjoni prinċipalment għal 10 istituzzjonijiet u korpi tal-UE, kif ġej:
- Il-Parlament Ewropew
- Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Il-Kummissjoni Ewropea
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
- Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
- Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
- Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
- Il-Kumitat tar-Reġjuni
- L-Ombudsman Ewropew
- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Fuq talba, l-EPSO jorganizza wkoll għażliet għal aġenziji u korpi oħra tal-UE, bħall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, kif ukoll għad-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja u r-rappreżentanzi tal-UE fl-Istati Membri tal-UE.
Għalhekk, jekk tirnexxi fi proċedura ta’ selezzjoni, tista’ tiġi impjegat f’postijiet differenti, l-aktar fi Brussell u l-Lussemburgu. Jekk jogħġbok iċċekkja l-Avviż tal-kompetizzjoni jew is-Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għal aktar informazzjoni.
Għaliex hemm żewġ tipi differenti ta’ Kontijiet tal-kandidati (Profil tal-EPSO vs Portal Uniku tal-Kandidati)?
Il-Portal Uniku tal-Kandidati ssostitwixxa l-Profil tal-EPSO għall-applikazzjonijiet għall-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-proċedura ta’ selezzjoni tal-aġenti kuntrattwali (CAST) tkompli tiġi mmaniġġjata permezz tal-profil tal-EPSO sakemm jingħata avviż ieħor.
Għall-kompetizzjonijiet ippubblikati wara l-1 ta’ Jannar 2025, uża l-Portal Uniku tal-Kandidati
Il-kandidati jista’ jkollhom aktar minn profil wieħed tal-Portal Uniku tal-Kandidati, iżda s-sottomissjoni ta’ aktar minn applikazzjoni waħda għall-istess kompetizzjoni hija strettament ipprojbita (irreferi għall-Avviż tal-Kompetizzjoni għad-dettalji kollha).
Għall-kompetizzjonijiet ippubblikati sal-31 ta’ Diċembru 2024 u l-proċeduri ta’ selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali (CAST), uża l-profil tal-EPSO.
Profil tal-EPSO wieħed biss huwa permess, li jkollok aktar minn profil tal-EPSO wieħed jista’ jkun il-kawża ta’ esklużjoni fi kwalunkwe wieħed mill-istadji tal-proċedura ta’ selezzjoni. Jekk jogħġbok ikkuntattjana jekk taħseb li jista’ jkollok aktar minn profil tal-EPSO wieħed.
Id-data personali tiegħek fuq il-Portal uniku tal-kandidati u/jew il-profil tal-EPSO tiegħek trid tkun dejjem aġġornata. L-EPSO juża dawn il-kontijiet biex jikkomunika mal-kandidati, għalhekk għandek tikkonsulta l-kontijiet tiegħek kull 3 ijiem kalendarji.