Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Ġuristi lingwisti għal CS, DA, ET, FI, FR, IT, LV u SV

Inti ġurista multilingwi, interessat li ssegwi karriera internazzjonali?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ibbażata fil-Lussemburgu, qed tfittex ġuristi lingwisti għal-lingwi li ġejjin: Iċ-Ċek (CS), id-Daniż (DA), l-Estonjan (ET), il-Finlandiż (FI), il-Franċiż (FR), it-Taljan (IT), il-Latvjan (LV) u l-Iżvediż (SV). Il-kandidati li jirnexxu se jiġu reklutati bħala amministraturi fi grad AD 7. Dan l-avviż ikopri tmien lingwi, kull waħda tikkorrispondi għal kompetizzjoni separata. Kandidat jista’ japplika biss għal waħda minnhom.

Bħala ġurist lingwist fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, trid tkun tista’ tittraduċi testi legali ta’ spiss kumplessi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali, noti ta’ partijiet, eċċ.) fil-lingwa tal-kompetizzjoni minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-UE, ir-reviżjoni ta’ dawn it-traduzzjonijiet, u l-għoti ta’ analiżi legali b’kooperazzjoni mar-Reġistri u mad-dipartimenti l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-ħidma ta’ ġurist lingwist tinvolvi l-użu ta’ għodod standard tal-IT u għodod teknoloġiċi oħra tal-uffiċċju.