
Traineeships fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Kull sena, fil-Kunsill, hemm madwar 100 post disponibbli għal traineeships bi ħlas, u sa 6 postijiet għal trainees imħallsa b’diżabbiltà.
X’għandek tistenna mit-traineeship tiegħek?
Traineeship fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) joffri:
- esperjenza diretta tal-ħidma tas-SĠK;
- għarfien dwar l-UE, għarfien tal-proċessi u l-politiki tal-istituzzjonijiet tal-UE;
- opportunità li tikkontribwixxi għall-ħidma ta’ kuljum tal-Kunsill;
- iċ-ċans li taħdem f’ambjent multikulturali, multilingwu u multietniku.
- opportunità li tikkondividi l-perspettiva ġdida tiegħek u l-għarfien li tkun ksibt matul l-istudji tiegħek
Hemm tliet tipi ta’ traineeships fil-Kunsill:
- Traineeships imħallsa
- Traineeships għal studenti ta’ skejjel nazzjonali tal-amministrazzjoni
- Programm ta' azzjoni pożittiva għal trainees b'diżabbiltà (imħallsa)
X’jinvolvi traineeship?
Ix-xogħol ta’ kuljum ta’ trainee jiddependi fuq il-ħtiġijiet tas-servizz u ġeneralment ikun ekwivalenti għal dak tal-uffiċjali amministraturi fil-bidu tal-karriera tagħhom, eż.:
- tħejjija ta’ laqgħat u abbozzar ta’ minuti
- l-attendenza għal-laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill u tal-Coreper (il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE)
- riċerka dwar proġett partikolari
- traduzzjoni ta’ dokumenti
- ġbir ta’ dokumentazzjoni, kitba ta’ rapporti
It-trainees se jiġu mistiedna wkoll biex jipparteċipaw fi programm ta’ studju li jinkludi żjarat u konferenzi f’istituzzjonijiet oħra tal-UE fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu.
Min jista’ japplika?
- Ċittadini tal-UE
- ċittadini minn pajjiżi kandidati li kkonkludew in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE
- kandidati b’għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE. Peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni interna fis-SĠK, huwa meħtieġ għarfien tajjeb tal-Ingliż jew il-Franċiż, (*il-livell C skont il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi).
Bħalissa, il-maġġoranza tal-applikazzjonijiet jiġu minn kandidati bi kwalifiki fil-liġi, ix-xjenza politika, ir-relazzjonijiet internazzjonali, studji dwar l-UE u l-ekonomija.
Is-SĠK qed ifittex ukoll trainees bi kwalifiki f’oqsma oħra, bħal: it-traduzzjoni, ir-riżorsi umani, il-komunikazzjoni, l-istudji edukattivi, l-informatika (pjattaformi ta’ kollaborazzjoni), il-ġestjoni tal-arkivji u tad-dokumenti, l-inġinerija ċivili, id-disinn grafiku, il-multimedia, l-agrikoltura, l-inġinerija bijokimika, is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, l-immaniġġjar tal-enerġija, l-ambjent, l-inġinerija ajruspazjali.
Min jista’ japplika?
Ma jiġux aċċettati applikazzjonijiet minn kandidati li jkunu diġà bbenefikaw minn kwalunkwe tip ta’ taħriġ (imħallas jew mhux) jew impjieg għal aktar minn 6 ġimgħat f’istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju tal-UE.
Sib aktar informazzjoni fuq: https://www.consilium.europa.eu/mt/trainee/