Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Staff kuntrattwali

L-istaff kuntrattwali jiġi rreklutat b’żewġ modi:

1) Aġenti Kuntrattwali - CAST Permanent 

L-Aġenti Kuntrattwali jistgħu jiġu rreklutati permezz tal-proċedura ta’ selezzjoni CAST Permanent. 

CAST tfisser Għodda għas-Selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali (Contract Agents Selection Tool); Permanent tfisser li l-proċess jibqa’ miftuħ, mingħajr skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

Fil-paġna tagħna dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol tista’ ssib is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess tal-CAST Permanent għal profili bħall-finanzi, l-affarijiet politiċi/il-politiki tal-UE, is-segretarji u l-iskrivani, it-teknoloġija tal-informazzjoni, il-liġi, il-komunikazzjoni, biex insemmu biss ftit. L-applikanti għandhom isegwu l-istruzzjonijiet assoċjati magħha.   

Il-proċedura tirrikjedi li jinħoloq profil tal-EPSO u li tiddaħħal informazzjoni personali, professjonali u edukattiva fil-bażi tad-data CAST.

Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ selezzjoni CAST Permanent ma tfissirx li l-kandidati jiġu mistiedna awtomatikament għat-testijiet. 

Kull meta jinqalgħu ħtiġijiet ta’ reklutaġġ, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu jfittxu fil-bażi tad-data CAST u jelenkaw numru limitat ta’ applikanti li l-ħiliet tagħhom jaqblu mar-rekwiżiti tal-impjieg inkwistjoni.

Dawn l-applikanti preselezzjonati se jiġu mistiedna jagħmlu testijiet organizzati mill-EPSO: testijiet b’għażla multipla (MCQ) ibbażati fuq il-kompjuter li jinkludu raġunament verbali, numeriku u astratt; test tal-kompetenza (għarfien fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni) jew test tal-komprensjoni tal-lingwa (għall-profili lingwistiċi).  Sakemm isiru aġġustamenti għas-sistema tal-ittestjar, l-EPSO se jkun responsabbli biss għall-organizzazzjoni tat-testijiet ta’ raġunament, iżda mhux għat-testijiet tal-kompetenza. Is-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet tal-UE se jadattaw il-proċedura ta’ selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali kif xieraq, u se jżommu lis-servizzi rilevanti tagħhom infurmati dwar il-proċedura applikabbli.

Dawk li jirnexxilhom jgħaddu mit-testijiet jistgħu jiġu mistiedna għal intervista u eventwalment jiġu reklutati.

Tgħallem aktar dwar il-proċess fil-paġna tal-CAST Permanent tagħna li minnha tista’ tapplika direttament.  

 

2) Aġenti Kuntrattwali – Postijiet vakanti ad hoc

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu wkoll jirreklutaw staff kuntrattwali biex jimlew pożizzjonijiet speċifiċi kull meta jkun hemm bżonn. F’dan il-każ, l-esperti jistgħu jintalbu jkopru varjetà ta’ rwoli, minn assistent finanzjarju, sa xjentist soċjali, webmaster, inġinier taċ-ċibersigurtà, biex insemmu xi ftit. 

Għall-kuntrarju tal-proċess tal-CAST Permanent, kull post vakanti għandu skadenza għall-applikazzjoni u fih informazzjoni dwar l-applikazzjoni, il-proċedura ta’ reklutaġġ u d-dettalji l-oħra kollha.

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jippubblikaw postijiet vakanti għal staff kuntrattwali ad hoc u jistabbilixxu l-proċeduri ta’ applikazzjoni u reklutaġġ tagħhom stess

Tista’ ssib postijiet vakanti għal staff kuntrattwali miftuħa fuq il-paġna tal-opportunitajiet ta’ xogħol tagħna.