Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Iltaqa’ mal-Istaff tal-UE

woman with testimonial reviews

 

 

Hawn taħt tista’ ssib testimonjanzi mill-istaff attwali li jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-UE, li jiffukaw fuq l-aspetti tad-diversità u l-inklużjoni. Dawn it-testimonjanzi huma opportunità għalik biex titgħallem aktar dwar l-esperjenzi personali u professjonali tal-istaff tal-UE.

 

 


 

Frederic, inkarigat mill-aċċessibbiltà għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-OIB

Frederic hu inkarigat mill-aċċessibbiltà għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-OIB (l-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea għall-infrastruttura u l-loġistika). Frederic hu agħma u ilu jaħdem mal-Istituzzjonijiet tal-UE mill-1998.
Aħna staqsejna x’tip ta’ arranġamenti speċjali ngħatawlu fl-impjieg tiegħu.

“Kompjuter mgħammar bi speech synthesis software (JAWS), b’tastiera tal-Braille. Meta wasalt, id-DĠ Riċerka u Żvilupp offrieli aktar minn dak li kelli bżonn, kienet xi ħaġa impressjonanti ħafna u merħba meraviljuża. L-ewwel esperjenza tiegħi kienet tajba ħafna. Wara, meta bdejt naħdem f’post ieħor, kienet anqas ovvja, imma dejjem kont naf kif nakkwista dak li kelli bżonn billi nkun paċenzjuż.”

Frederic jgħidilna wkoll li d-diżabbiltà tiegħu mhix ostaklu fit-tim tiegħu.

“Hawn id-diżabbiltà hija vantaġġ! Nippreżentaha bħala xi ħaġa ta’ ferħ. Ma nagħtix l-impressjoni li qed inġorr il-miżerja kollha tad-dinja fuq spallti. U peress li għandi kelb, dan jgħin, dan hu l-mascot tiegħi.”

Maurizio, Uffiċjal tal-Istampa

Maurizio huwa uffiċjal tal-istampa fil-Parlament Ewropew fl-Italja. Huwa agħma u ilu jaħdem fl-istituzzjonijiet tal-UE mill-2015.
Staqsejnieh kif sab il-proċedura ta’ selezzjoni u jekk ħassux integrat fit-tim tiegħu.

"It-Tim tal-Aċċessibbiltà tal-EPSO kien tassew mill-aqwa! Kollox mexa ħarir matul il-kompetizzjoni. Kelli t-test bil-Braille u assistent personali; kelli wkoll test f’verżjoni elettronika. Għal dak li hu relatat mal-proċedura ta’ selezzjoni proprja ta’ impjieg, kelli biss intervista u allura ma kelli l-ebda bżonn ta’ akkomodazzjoni. Ma nħoss ebda ostaklu. Qatt ma kelli problemi għax kont diżabbli. Jekk ikollok attitudni pożittiva, anki jekk in-nies ma jafux jew huma xettiċi, jekk inti ħerqan li taqsam l-esperjenza tiegħek, tista’ tkisser il-ħitan.”

Maurizio jagħti parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

Ngħidilhom, li dan hu assolutament possibbli, jista’ jsir, u m’hemmx għalfejn tkunu poliglota jew supereroj! Dan huwa xi ħaġa fattibbli ħafna. Jieħu tant ftit minn ħinek, li m’għandek xejn x’titlef, u tista’ tirbaħ karriera tassew interessanti. Għall-prezz li tħallas imqabbel mal-benefiċċji żgur li jaqbillek. L-unika ħaġa iebsa hi l-applikazzjoni… Iżda ladarba tagħmilha, tieħu tassew ftit tal-ħin u potenzjalment opportunità enormi! Taqtgħux qalbkom mill-applikazzjoni!”

 

Krystle, Assistenta tal-Komunikazzjoni

Krystle taħdem bħala assistenta tal-komunikazzjonijiet fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, hi għandha mobbiltà mnaqqsa u ilha taħdem għall-istituzzjoni Ewropea mill-2002.
Staqsejnieha x’tip ta’ arranġamenti speċjali ġew ipprovduti lilha u jekk tħossx li d-diżabbiltà tagħha kinitx ta’ ostaklu għal xogħolha.

“Il-Kummissjoni pprovdietli wheelchair, footrest, siġġu mediku u spazju riżervat għall-parking. Tpoġġew support bars fil-kamra tal-ħasil. Inħossni totalment integrata fit-tim tiegħi. Meta jkollna laqgħa, il-kollegi jiġu b’mod spontanju joffru l-għajnuna tagħhom biex iwassluni jew jitolbuni x’jistgħu jagħmlu. Hu pjaċir għalija li nħossni apprezzata u rikonoxxuta għal xogħli. M’għandi ebda trattament speċjali, naħdem bħal ħaddieħor, b’attitudni benevolenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà.”

Krystle tagħti wkoll il-parir tagħha lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Nirrakkomanda ħafna li wieħed japplika! Ebda żvantaġġ fiżiku mhu ostakolu, il-kompetizzjonijiet huma bbażati fuq l-għarfien, mhux fuq maratona. Kulħadd hu aċċettat, ċittadinanza, kulur, ġeneru, diżabbiltà fiżika, ... xejn mhu ostaklu. Huma rappreżentati n-nazzjonalitajiet kollha tal-UE mill-orizzonti kollha, id-differenza hi pożittiva. Mhux importanti jekk intix persuna b’mobbiltà mnaqqsa Maltija jew Estonjana b’vista batuta. Multikulturali jfisser ħidma ma’ oħrajn, mingħajr ma jsiru distinzjonijiet. L-istituzzjonijiet stabbilixxew servizzi li jilqgħu t-tipi kollha ta’ nies, l-opportunitajiet indaqs huma dritt reali.”

Fabio, Kap ta’ Unità

Fabio hu kap ta’ unità fid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tal-Parlament Ewropew. Hu għandu sieq maqtugħa u ilu jaħdem għall-istituzzjonijiet Ewropej mill-2001.
Staqsejnieh jekk kellux bżonn ta’ kwalunkwe arranġament speċjali f’xogħlu.

“Meta ma nkunx nista’ nimxi bil-prosteżi tiegħi nimxi bil-krozzi, iżda ma nistax nuża idejja. Ma nuża xejn speċjali, għandi għodda tal-IT (Ipad, fitt anqas notebooks). Għall-problemi ta’ dahri minħabba l-prosteżi, għandi mejda b’għoli aġġustat. Intitolat għall-parking. Ma kienx diffiċli li wieħed jikseb dawn il-faċilitajiet. Peress li għandi diżabbiltà fil-mixi, dan hu anqas problematiku. Nista’ ninteraġixxi 100%.”

Fabio jagħti wkoll il-parir tiegħu lil kandidati oħrajn bi bżonnijiet speċjali li japplikaw għal Karriera mal-UE.

“M’għandniex nibżgħu, irridu nagħtu lilna nfusna l-mezzi biex inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni ġdida. Tqarraqx lilek innifsek, billi tiġi hawn u taħseb li kollox se jkun sew u li l-Parlament se jieħu ħsieb ta’ kollox. Ebda istituzzjoni fid-dinja ma tista’ tieħu ħsieb kollox. It-tħejjija għal ambjent ġdid hi b’mod speċjali applikabbli għall-persuni b’diżabbiltà. Xi ħadd b’diżabbiltà diġà jaf li għandu javviċina l-affarijiet b’mod differenti... iħejji lilu nnifsu b’mod differenti wkoll.”

Aleks, Uffiċjal Finanzjarju

“Hello, jisimni Aleks (m’iniex hu imma hi), u naħdem bħala Uffiċjal Finanzjarju fid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ BUDG). Ir-responsabbiltajiet ewlenin tiegħi huma fl-oqsma tal-finanzjament tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE u l-Koordinazzjoni tal-Ġestjoni tal-Assi. Jien ukoll membru tat-Task Force tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza.

Kollegi fl-unità tiegħi, inkluż il-Kap tal-Unità, li kienu l-ewwel li kienu konxji tal-identità tal-ġeneru tiegħi, kienu ta’ appoġġ kbir u fehmu t-tranżizzjoni tiegħi. Eventwalment, meta d-direttorat kollu sar jaf bl-identità tiegħi, nista’ ngħid b’mod kunfidenti li ma kelli ebda esperjenza ħażina iżda pjuttost sibt appoġġ u “kurżità ġentili”. Ħejjejt ukoll xi materjali dwar kwistjonijiet dwar it-transġeneru mal-management superjuri, inizjattiva li kienet aċċettata tajjeb ħafna minn kulħadd. Il-persuni transġeneru jistgħu jsibu ambjent tax-xogħol sikur fid-DĠ BUDG. Naturalment, għad fadal sfidi, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-rikonoxximent u s-sistemi amministrattivi diġitali, iżda qed isiru bidliet pożittivi u ninsab kuntenta li nara u nkun parti minn diversi task forces interni u gruppi li jaħdmu fuq kif jistgħu jittejbu aktar is-sistemi attwali.

It-triq quddiemna hi twila iżda ninsabu fit-triq it-tajba. Nemmen li l-persuni transġeneru se jintlaqgħu b’mod simpatiku fi kwalunkwe tim fil-Kummissjoni.”

Ville, Uffiċjal Legali

Ville, agħma mit-twelid, ilu uffiċjal legali fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell mill-2013. Staqsejnieh kif sab il-proċess ta’ selezzjoni u xi jħoss dwar ix-xogħol tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea.

"Sibt is-servizz tat-tim tal-aċċessibbiltà tassew kompetenti u ferm organizzat. Wara li rċevejt ir-reġistrazzjoni, issuġġerewli arranġamenti biex bħala kandidat agħma jagħmlu l-parteċipazzjoni tiegħi possibbli fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni bl-istess mod bħal ħaddieħor u dawn sibthom tassew xierqa u tajbin għall-iskop tiegħi. Din il-kooperazzjoni tajba min-naħa tagħhom kompliet matul il-kompetizzjoni, inkluża l-fażi taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni. Għalija, sorpriża tassew pożittiva kienet li d-dokumenti kollha huma b’format diġitali billi l-korrispondenza kollha mibgħuta u riċevuta hi reġistrata f’bażijiet tad-data elettroniċi. Għalhekk, bħala utent ta’ screen reader, prattikament ma naħli ebda ħin niskenja dokumenti fuq karta lill-kompjuter kif kont nagħmel fl-impjiegi preċedenti. Inħossni integrat bis-sħiħ grazzi għall-attitudni meraviljuża tal-kollegi u s-superjuri tiegħi.”

Ville jagħti wkoll il-parir lil kandidati oħra bi bżonnijiet speċjali biex japplikaw għal Karriera mal-UE.

“Uri l-motivazzjoni tiegħek. Jekk għandek xi diżabbiltà, ipprova ħares lejha mill-perspettiva tal-impjegatur. Kun ippreparat għal mistoqsijiet dwar dan is-suġġett u aħseb minn qabel dwar soluzzjonijiet raġonevoli għal kwalunkwe ħtieġa speċjali li dan jista’ jikkawża fil-kuntest speċifiku tal-impjieg. Ibqa’ paċenzjuż. Ħu kull applikazzjoni u intervista bħala opportunità ta’ tagħlim anki jekk ma ttintgħażilx. Ikkonċentra aktar fuq il-kompetenzi milli fuq il-bżonnijiet speċjali proprji.”