Lil hinn mix-xogħol, il-maġija tan-natura
Il-Lussemburgu jinfirex b’mod armonjuż bejn il-belt u n-natura u jestendi minn bini urban u storiku għal lagi, għoljiet u foresti.
Il-pajsaġġ seren u varjat tal-pajjiż joffri divertiment lill-individwi u lill-familji u huwa perfett biex taqta’ mill-istress tal-ħajja ta’ kuljum.
Kemm jekk bil-mixi jew bil-karozza, il-Lussemburgu joffri dawra mżewqa bi ftit minn kollox: miċ-ċentru tal-belt il-qadima tal-Lussemburgu - sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO - għal kastelli fil-quċċata tal-għoljiet, pjanuri, widien, xmajjar u l-ewwel riżerva Ewropea tan-natura transfruntiera.
Ir-rispett għall-ambjent huwa ta’ importanza kbira fil-Lussemburgu u meta tiġi biex tiddeverti, hawnhekk in-natura hija alleata tiegħek. Network kbir ta’ mogħdijiet għall-mixi u 600 kilometru ta’ perkorsi għaċ-ċikliżmu jagħmlu l-ivvjaġġar ekoloġiku bejn il-pajjiżi possibbli u sikur.
Dawk li jħobbu l-ilma jistgħu jagħżlu minn għadd kbir ta’ attivitajiet bħall-canoeing, il-kayaking, l-iskijjar tal-ilma, l-għawm, il-paddle boarding, is-sajd u ħafna aktar.