Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Tradutturi għal DA, EL, EN, ES, FR, IT, MT u NL

Għandek passjoni għal-lingwi? Lest li tibda karriera internazzjonali f’tim multikulturali u divers? Jekk iva, kompli aqra.

L-istituzzjonijiet Ewropej qed ifittxu tradutturi (grad AD 5) għad-Daniż (DA), il-Grieg (EL), l-Ingliż (EN), l-Ispanjol (ES), il-Franċiż (FR), it-Taljan (IT), il-Malti (MT), u l-Olandiż (NL). Dan l-avviż ikopri tmien kompetizzjonijiet u l-kandidati jistgħu japplikaw biss għal waħda minnhom.

Bħala traduttur, ir-rwol primarju tiegħek huwa li tipprovdi traduzzjonijiet ta’ kwalità għolja u tipprovdi servizzi lingwistiċi li jgħinu lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija twettaq il-missjoni tagħha. Il-kompiti tiegħek jistgħu jinkludu t-traduzzjoni minn tal-inqas żewġ lingwi sors għal-lingwa mira, ir-reviżjoni tat-traduzzjonijiet, l-editjar, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ kwalità lingwistika, it-twettiq ta’ riċerka fit-terminoloġija, l-appoġġ għal inizjattivi ta’ taħriġ, u l-kontribut għall-iżvilupp ta’ għodod tal-IT. It-testi spiss kumplessi tipikament ikopru suġġetti politiċi, legali, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi u tekniċi relatati mal-attivitajiet tal-UE. Tista’ taħdem ukoll fuq il-lokalizzazzjoni ta’ materjali ta’ komunikazzjoni jew sottotitolar. Dawn id-dmirijiet jeħtieġu użu estensiv ta’ għodod speċjalizzati tal-IT.