Programm ta’ Azzjoni Pożittiva tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għal trainees b’diżabilità
Dwar il-programm
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tpoġġi valur għoli fuq l-inklużjoni, u tipprovdi opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità biex jagħmlu traineeships fil-QEA. Minbarra l-iskema ta’ traineeship standard, il-Programm ta’ Azzjoni Pożittiva għat-trainees b’diżabilità joffri perkors addizzjonali għal dawk b’indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul.
Il-QEA toffri żewġ traineeships fis-sena lil ċittadini tal-UE b’diżabilità rikonoxxuta.
Bħalissa qed naċċettaw applikazzjonijiet għal traineeships fl-oqsma kollha ta’ ħidma tagħna: l-awditjar, it-traduzzjoni, il-komunikazzjonijiet, l-amministrazzjoni ġenerali, l-IT u l-ġestjoni tal-libreriji. Aħna nilqgħu b’mod partikolari applikazzjonijiet minn kandidati fl-oqsma tal-awditjar tal-IT u x-xjenza tad-data. Dan huwa parti mill-isforzi kontinwi tagħna biex intejbu l-użu tagħna tat-teknoloġija u tad-data fl-awditjar u qed infittxu trainees b’viżjoni u ideat biex nagħmlu impatt reali f’dawn l-oqsma.
Akkomodazzjoni raġonevoli
Permezz ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli” nfissru kwalunkwe miżura xierqa, fejn meħtieġ, li tippermetti lill-persuni b’diżabilità jaħdmu fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor, sakemm dawn il-miżuri ma jpoġġux piż żejjed fuq l-impjegatur.
Il-QEA tista’ timmodifika t-tagħmir, il-prattiki jew il-politiki fuq bażi ta’ każ b’każ.
Jekk tintgħażel bħala wieħed mit-trainees tagħna, se nikkuntattjawk biex niddiskutu kwalunkwe ħtieġa speċifika li jista’ jkollok u niżguraw li jkollok is-software, l-hardware jew it-tagħmir ergonomiku kollu meħtieġ mill-bidu tat-traineeship tiegħek.
Aħna nikkuntattjaw ukoll lit-tim tal-QEA li jospita t-trainees tagħna biex iħejju għall-wasla tiegħek u l-ħin tiegħek magħna.
Aktar informazzjoni importanti tista’ tinstab taħt l-intestatura “Programm ta’ Azzjoni Pożittiva għal trainees b’diżabilità” dwar is-sessjonijiet, l-allowance, l-eliġibbiltà u l-proċedura ta’ applikazzjoni.