Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Agnieszka Wendel, assistenta lingwistika fl-Unità tat-Traduzzjoni Pollakka

Ilni 15-il sena naħdem għad-dipartiment tal-lingwa Pollakka tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠT) fil-Lussemburgu.

Studjajt il-Filoloġija Spanjola u l-Istudji Amerikani fil-Polonja, fil-Jagiellonian University. Qabel ma ħdimt fid-DĠT kont uffiċjal tal-Konsulat Amerikan fi Krakovja u xtaqt inkompli t-triq tax-xogħol tiegħi f’ambjent internazzjonali.

Xogħli jogħġobni għax:

  • inħossni parti mis-soċjetà Ewropea,
  • qatt ma niddejjaq,
  • jgħinni niżviluppa mil-lat professjonali.

Xogħli fid-DĠT jagħtini ħafna sodisfazzjon. Inħoss li qed nagħmel xi ħaġa li verament tgħodd fid-dinja. L-indirizzar ta’ problemi ta’ kuljum u ta’ kwistjonijiet dinjija jippermettili nara u nifhem xi tfisser l-UE għalina lkoll. Ix-xogħol ta’ assistenta lingwistika jagħtini ħafna opportunitajiet minħabba li l-qasam qed jiżviluppa flimkien mad-dinja. Meta bdejt 15-il sena ilu kien tip ta’ xogħol kompletament differenti. Saru ħafna żviluppi, fil-ħiliet, fis-software eċċ. Kelli l-opportunità li nikseb ħiliet ġodda fil-kompjuter, li nitgħallem il-Ġermaniż u l-Franċiż, li niżviluppa l-ħiliet soċjali tiegħi. Kelli wkoll l-opportunità li naħdem ftit xhur fil-Parlament Ewropew, li kienet waħda mill-aktar esperjenzi eċċitanti għalija.

L-akbar sfida għalija hija li nirrikonċilja l-ħajja professjonali ma’ dik privata. Jien omm li qed inrabbi żewġt itfal żgħar waħdi, għalhekk tassew napprezza kif id-DĠT jippermettili norganizza l-ħin tax-xogħol tiegħi (eż. part-time) biex nimmaniġġja l-ħajja b’mod li jkun adattat għal kulħadd.

Ġarrejt lejn il-Lussemburgu fl-2007, u din kienet bidla kbira għalija, hekk kif tlaqt belt kbira ta’ kważi miljun abitant għal belt kapitali ferm iżgħar. Il-belt tal-Lussemburgu laqgħatni fix-xita, bi ftit li xejn traffiku u bl-internazzjonalità tagħha. Tassew għoġbitni l-effiċjenza tat-trasport pubbliku, li offrietli ħafna għażliet biex nasal ix-xogħol bla xkiel u normalment fil-ħin. Meta tgħix il-Lussemburgu tiftaħ moħħok. Tisma’ ħafna lingwi fit-triq, tagħmel ħbieb mill-Ewropa kollha, tassew tħossok parti mid-dinja.

Assistenta lingwistika fl-Unità tat-Traduzzjoni Pollakka fil-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni)