Struttura ewlenija tal-mudell il-ġdid
Testijiet ta' raġunament verbali, numeriku u astratt
It-testijiet ta’ raġunament verbali, numeriku u astratt jibqgħu parti mill-proċeduri ta’ selezzjoni. Normalment, ir-riżultati ma jiġux ikklassifikati, wieħed ikollu bżonn biss il-marka minima meħtieġa. Il-piż mogħti lil kull waħda mit-tliet ħiliet jista’ jvarja skont il-profil li jkun qed jintgħażel.
Test tal-Għarfien tal-UE għal kompetizzjonijiet
ġeneralisti jew Kwestjonarju b’għażla multipla relatat mal-qasam għal kompetizzjonijiet speċjalizzati
L-enfasi tat-test tal-għarfien tal-UE, pereżempju, se tkun fuq mistoqsijiet ta’ sustanza sinifikanti relatati mal-funzjonament tal-UE, il-politiki u l-proċeduri tagħha.
Il-kandidati se jkollhom l-opportunità li jiċċekkjaw online s-sorsi użati biex jinħoloq dan it-test, biex b'hekk ikun aċċessibbli anke għal dawk li qatt ma studjaw l-affarijiet tal-UE fl-università jew li qabel ħadmu f’dan il-qasam. Il-materjali tas-sors użati għall-ħolqien ta’ dan it-test se jiġu ppubblikati fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-Kompetizzjoni.
Ebda materjal ta’ sors mhu se jiġi ppubblikat mill-EPSO għall-kwestjonarju b’għażla multipla relatat mal-qasam għall-kompetizzjonijiet speċjalizzati.
Studju tal-Każ
Xi kompetizzjonijiet se jinkludu studju tal-każ biex jiġu vvalutati l-ħiliet ta’ komunikazzjoni bil-miktub tal-kandidati (jiġifieri l-ħiliet ta’ abbozzar).
Test bil-miktub
Bil-bidla tal-EPSO lejn reġim sħiħ ta’ 24 lingwa, mill-2024 se jiġi introdott tip ġdid ta’ test mill-EPSO fil-proċeduri ta’ selezzjoni tiegħu: it-test bil-miktub, li għandu l-għan li jivvaluta l-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub tal-kandidati. It-test bil-miktub se jissostitwixxi l-istudju tal-każ *.
It-terminu “test bil-miktub” jinkludi tliet tipi differenti ta’ testijiet li l-EPSO se juża skont il-ħtiġijiet espressi mis-servizzi ta’ reklutaġġ għal kull kompetizzjoni:
- Test bil-miktub (WT) relatat mal-qasam/oqsma tal-kompetizzjoni, li jivvaluta biss il-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub.
- Test bil-miktub relatat mal-qasam (FRWT), li jivvaluta l-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub u l-għarfien fil-qasam rilevanti tal-kompetizzjoni.
- Essay b’test liberu dwar kwistjonijiet tal-UE (EUFTE), li jivvaluta biss il-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub.
Il-kandidati se jkunu meħtieġa jwieġbu għall-kompiti tat-test abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-EPSO relatata mal-qasam/oqsma tal-kompetizzjoni, kif speċifikat fl-avviż tal-kompetizzjoni.
It-test bil-miktub mhuwiex test tal-lingwa. Il-kandidati se jiġu vvalutati abbażi tal-“ankri” speċifiċi elenkati hawn taħt (“ankri” huma l-elementi meqjusa minn dawk li jikkoreġu t-test (jiġifieri l-assessuri) meta jivvalutaw kompetenza partikolari).
“Ankri” għall-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub:
Il-kandidat:
- Jikteb b’mod konċiż mingħajr l-użu ta’ kliem u sentenzi mhux meħtieġa.
- Jippreżenta s-suġġett b’mod li jinftiehem.
- Jadatta/ifassal il-kitba għall-udjenza u l-iskop maħsuba.
- Juża l-informazzjoni pprovduta biex jittratta l-kompitu.
- Il-komunikazzjoni bil-miktub hi strutturata bi fluss ta’ ideat loġiku.
L-istudji tal-każijiet se jkomplu jintużaw għal xi kompetizzjonijiet li għaddejjin.
Test tal-ħiliet diġitali
Se jiġi introdott test tal-ħiliet diġitali għal xi kompetizzjonijiet, f’konformità mal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jservi l-EPSO.