
Se nintroduċu mudell ta’ kompetizzjoni aktar veloċi, aktar effiċjenti u aktar aċċessibbli!

Fil-31 ta’ Jannar, il-korp governattiv tal-EPSO, il-Bord tat-Tmexxija interistituzzjonali, iddeċieda li jneħħi t-testijiet orali mill-proċeduri ta’ selezzjoni tal-EPSO, bħala parti minn reviżjoni fundamentali tal-proċess ta’ selezzjoni attwali.
Il-kompetizzjonijiet se jagħmlu enfasi akbar fuq il-kwalifiki tal-kandidati u fuq sett ta’ testijiet bil-miktub, li kollha għandhom isiru f’sessjoni ta’ ttestjar waħda. It-testijiet kollha se jsiru online permezz ta’ testijiet ibbażati fuq il-kompjuter b'inviġilazzjoni mill-bogħod. Nistednuk taqra l-informazzjoni u n-noti ta’ gwida tagħna dwar l-ittestjar b’inviġilazzjoni mill-bogħod biex tkun tista’ ssir familjari kemm jista’ jkun ma’ dan l-ambjent tal-ittestjar.
B’“fażi ta’ kompetizzjoni” bbażata esklużivament fuq testijiet bil-miktub, se jkun possibbli għall-EPSO li jnaqqas l-iskedi ta’ żmien tal-kompetizzjoni għal 6 xhur biss, u eventwalment, anqas.
Wara l-kompetizzjoni, il-bord tas-selezzjoni jistabbilixxi l-lista ta’ riżerva bl-ismijiet tal-kandidati li jgħaddu. Il-lista mbagħad titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet għal skopijiet ta’ reklutaġġ.
L-ewwel kompetizzjoni skont il-mudell il-ġdid tal-kompetizzjoni ġiet ippubblikata fit-22 ta’ Ġunju 2023 (Ekonomija). Aġġornamenti regolari huma disponibbli fuq is-sit web tal-EPSO: Proċeduri ta’ selezzjoni li ġejjin | EU Careers (europa.eu), fejn tista’ tirreġistra wkoll għal sistema ta’ notifika.
Novità ewlenija
Iċ-“Ċentru ta’ Evalwazzjoni” u t-testijiet orali relatati tiegħu, li ilhom fis-seħħ mill-2010, mhux se jibqgħu jeżistu.
Madankollu, il-kompetenzi ġenerali tal-kandidati xorta se jiġu rieżaminati permezz ta’ intervisti wara li l-kandidati jitqiegħdu fil-lista ta’ riżerva mis-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet tal-UE li jkunu qed jimpjegaw. L-għażla ta’ min għandu jiġi reklutat tibqa’ kompletament f’idejn l-istituzzjonijiet infushom.
Benefiċċji prinċipali
Veloċità: l-għan hu li l-kompetizzjonijiet miftuħa jitlestew fi żmien 6 xhur u eventwalment anqas (mill-mument tal-pubblikazzjoni sal-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva).
Effiċjenza: it-testijiet kollha se jsiru online, f’sessjoni ta’ ttestjar waħda, għalhekk f’jum wieħed biss għal kull kandidat.
Modernità: l-ittestjar online hu aktar rapidu, aktar flessibbli, f’konformità mad-dinja diġitalizzata tal-lum, “aktar ekoloġiku” u aktar aċċessibbli għall-maġġoranza l-kbira tal-kandidati, irrispettivament minn fejn ikunu.
Trasparenza: is-sorsi użati għall-ħolqien tat-test tal-għarfien tal-UE, li għandhom jintużaw għal kompetizzjonijiet ġeneralisti, se jiġu ppubblikati minn qabel online mill-EPSO, biex b’hekk ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fost il-kandidati.
Kwalità: fil-mudell il-ġdid tal-kompetizzjoni tal-EPSO, il-kandidati li jirnexxu juru kapaċitajiet konjittivi sodisfaċenti, huma fost l-aħjar fl-għarfien relatat mal-qasam u fil-komunikazzjoni bil-miktub/ħiliet ta’ abbozzar. Għandhom id-diploma u/jew l-esperjenza tax-xogħol it-tajba.
Kompetenzi ċari: Il-qafas ta’ kompetenza ġenerali adottat mill-EPSO f’April 2022 jibqa’ validu.
Diversità: b’mudell ta’ kompetizzjoni aktar rapidu, aktar effiċjenti u aktar aċċessibbli, l-EPSO jixtieq ukoll jistimula l-applikazzjonijiet minn grupp aktar varjat ta’ kandidati.
Struttura ewlenija tal-mudell il-ġdid
Testijiet ta' raġunament verbali, numeriku u astratt
It-testijiet ta’ raġunament verbali, numeriku u astratt jibqgħu parti mill-proċeduri ta’ selezzjoni. Normalment, ir-riżultati ma jiġux ikklassifikati, wieħed ikollu bżonn biss il-marka minima meħtieġa. Il-piż mogħti lil kull waħda mit-tliet ħiliet jista’ jvarja skont il-profil li jkun qed jintgħażel.
Test tal-Għarfien tal-UE għal kompetizzjonijiet ġeneralisti
Kwestjonarju b’Għażla Multipla relatat mal-qasam għal kompetizzjonijiet speċjalizzati
L-enfasi tat-test tal-għarfien tal-UE, pereżempju, se tkun fuq mistoqsijiet ta’ sustanza sinifikanti relatati mal-funzjonament tal-UE, il-politiki u l-proċeduri tagħha.
Il-kandidati se jkollhom l-opportunità li jiċċekkjaw online s-sorsi użati biex jinħoloq dan it-test, filwaqt li jagħmluh aċċessibbli anke għal dawk li qatt ma studjaw l-affarijiet tal-UE fl-università jew li qabel ħadmu f’dan il-qasam. Il-materjali tas-sors użati għall-ħolqien ta’ dan it-test se jiġu ppubblikati fl-istess ħin tal-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-Kompetizzjoni.
Ebda materjal ta’ sors mhu se jiġi ppubblikat mill-EPSO għall-kwestjonarju b’għażla multipla relatat mal-qasam għall-kompetizzjonijiet speċjalizzati.
Studju tal-Każ
Il-kompetizzjonijiet kollha se jinkludu studju tal-każ biex jiġu vvalutati l-ħiliet ta’ komunikazzjoni bil-miktub tal-kandidati (jiġifieri l-ħiliet ta’ abbozzar).
Test tal-ħiliet diġitali
Jista’ jiġi introdott test tal-ħiliet diġitali għal xi kompetizzjonijiet, bħall-kompetizzjoni ġeneralista AD5, f’konformità mal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Passi ewlenin ta’ kompetizzjoni
- Pubblikazzjoni tal-Avviż tal-Kompetizzjoni
- Awtovalutazzjoni tal-eliġibbiltà permezz tal-Istrument ta’ Stħarriġ ta’ Valutazzjoni tal-Esperjenza (EASI)*, segwita mill-applikazzjoni
- Testijiet tal-ħiliet ta’ raġunament fuq bażi ta’ suċċess/falliment
- Test tal-għarfien tal-UE għal kompetizzjonijiet ġeneralisti jew Kwestjonarju b’għażla multipla relatat mal-qasam (FRMCQ) għal kompetizzjonijiet speċjalizzati - ikklassifikat
- Test tal-ħiliet diġitali (meta applikabbli)
- Studju tal-każ (valutazzjoni tal-ħiliet tal-abbozzar) ikkoreġut biss għal dawk li għandhom l-aħjar riżultati fl-għarfien tal-UE jew fl-FRMCQ
- Kontrolli tal-eliġibbiltà fi stadju xieraq (verifika finali qabel it-tqegħid fuq il-Lista ta’ Riżerva; verifika tat-tieni lingwa, jekk meħtieġ)
- Lista ta’ riżerva (bażi tad-data tal-kandidati li għaddew, ippubblikata mill-EPSO fi tmiem kull kompetizzjoni, użata mill-istituzzjonijiet tal-UE għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ reklutaġġ tagħhom)
- Opportunità ta’ azzjoni unika għal “Talba għal Rieżami – Il-kandidati għandhom l-għażla li jitolbu rieżami tad-deċiżjoni li tistabbilixxi r-riżultati tat-test tagħhom jekk jemmnu li kien hemm żball materjali jew ksur tar-regoli tal-proċedura tal-kompetizzjoni, li jista’ jkollu impatt fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ selezzjoni. Din it-talba tista’ ssir darba biss, f’konformità mal-proċeduri li jinsabu fl-avviż tal-kompetizzjoni.
*L-EASI hu għodda mmirata biex tipprovdi feedback fakultattiv lill-kandidati interessati biex tgħinhom jifhmu aħjar il-probabbiltà tagħhom ta’ ammissjoni (eliġibbiltà) għal kompetizzjoni, abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom, meta mqabbla mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Avviż ta’ Kompetizzjoni. Il-feedback se jiġi xxerjat biss mal-kandidati nfushom u mhux se jiġi xxerjat ma’ xi membru tal-Bord tas-Selezzjoni.