Liema proċeduri addizzjonali għandi nistenna jekk niġi reklutat fil-Kummissjoni Ewropea f’kariga fejn nittratta informazzjoni sensittiva u klassifikata?
Skont l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/444 [1], l-istaff kollu tal-Kummissjoni Ewropea li jittratta informazzjoni sensittiva u klassifikata li teħtieġ livell għoli ta’ kunfidenzjalità (informazzjoni “klassifikata tal-UE”) għandu jkollu l-livell xieraq ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà (“EU SECRET”).
Peress li l-Kummissjoni tittratta b'mod regolari informazzjoni sensittiva u klassifikata li teħtieġ livell għoli ta’ kunfidenzjalità, huwa fl-interess tas-servizz li dawk il-membri tal-istaff li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva u klassifikata jkollhom l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa għal-livell rilevanti (“EU SECRET”).
Għaldaqstant, il-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni jistgħu jintalbu, bħala prerekwiżit għar-reklutaġġ f’ċerti postijiet fil-Kummissjoni Ewropea, jissottomettu ruħhom għall-proċedura ta’ approvazzjoni tas-sigurtà stabbilita fid-Deċiżjoni. Tali prerekwiżit ikun indikat b’mod ċar fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni kkonċernata. Il-kandidati li jirnexxu għandhom ikunu lesti li jgħaddu minn din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.
Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà titwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-kandidati. Il-proċedura tista’ tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Nagħtu parir lill-applikanti biex jinfurmaw ruħhom dwar il-proċedura qabel jissottemettu l-applikazzjoni tagħhom għall-kompetizzjoni.
[1] Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).