Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

X’dokumenti ta’ sostenn se jkolli nippreżenta għall-applikazzjoni CAST tiegħi?

Il-kandidati għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-aġenti kuntrattwali (CAST/P) ma jistgħux jillinkjaw id-dokumenti ta’ sostenn mal-applikazzjoni/jiet CAST/P tagħhom fil-profil tal-EPSO tagħhom. Id-dokumenti ta’ sostenn se jiġu ppreżentati fl-istadju tat-testijiet ta’ reklutaġġ u/jew qabel ir-reklutaġġ lis-servizzi ta’ reklutaġġ.

Il-kandidati għandhom ikunu jistgħu jagħtu prova permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn tal-pretensjonijiet magħmulin fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom (fir-rigward tal-kwalifiki, l-esperjenza, l-għarfien tal-lingwi, eċċ.). Il-kandidati se jiġu infurmati mis-servizzi ta’ reklutaġġ dwar liema dokumenti (kopji jew oriġinali) se jkollhom jippreżentaw u meta.

L-EPSO ma jistax jipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli f’diversi servizzi ta’ reklutaġġ fir-rigward tad-dokumenti ta’ sostenn. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu biss bħala illustrazzjoni mhux vinkolanti tar-rekwiżiti li jistgħu japplikaw:

  1. Fost dokumenti oħrajn, il-kandidati se jkollhom jipprovdu karta tal-identità jew passaport validu.
     
  2. Bħala prova tal-kwalifiki edukattivi u tat-taħriġ, tagħhom, il-kandidati se jkollhom jipprovdu:

    a) kopja tad-diploma/i u/jew taċ-ċertifikat(i) ta’ taħriġ tagħhom li jiċċertifikaw il-kwalifiki edukattivi;
    b) f’każijiet ta’ diplomi/ċertifikati maħruġin f’pajjiż mhux tal-UE, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE.
     
  3. Il-perjodi kollha ta’ attività professjonali jridu jkunu koperti minn oriġinali jew kopji ċċertifikati tad-dokumenti li ġejjin:

    a) Dokumenti minn impjegatur(i) preċedenti u/jew attwali: kuntratt(i) ta’ impjieg li jindikaw id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-impjieg u/jew l-ewwel u l-aħħar rendikonti tal-paga. Dawn id-dokumenti għandhom jindikaw in-natura, il-livell, kif ukoll deskrizzjoni dettaljata tad-dmirijiet imwettqa, u jenħtieġ ikollhom intestatura u timbru uffiċjali tal-impjegatur, u l-isem u l-firma tal-persuna inkarigata.

    b) Għal xogħol mingħajr salarju, eż. professjonijiet li jaħdmu għal rashom/liberali: fatturi jew formoli tal-ordni li jagħtu dettalji dwar ix-xogħol imwettaq jew kwalunkwe dokument ta’ sostenn uffiċjali rilevanti ieħor li jispeċifika n-natura u l-perjodu tad-dmirijiet imwettqin jew tas-servizzi mwettqa;

    c) Għal tradutturi freelance: dokumenti li jiċċertifikaw il-perjodi ta’ żmien maħduma u n-numru ta’ paġni tradotti;

    d) Għall-interpreti freelance: dokumenti li jiċċertifikaw in-numru ta’ jiem maħdumin, u l-lingwi interpretati minnhom u lejhom.