Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Benefiċċji

X'noffru

Meta tissieħeb mat-tim tagħna tkun qed taħdem ma' persuni mill-Ewropa kollha. Mhux biss il-ġurnata ta' kuljum tax- xogħol tiegħek tkun internazzjonali, il-probabbiltajiet huma li jkollok tmur tgħix fl-ibliet multikulturali u varjati ta' Brussell jew il-Lussemburgu. Il-preżenza tal-Istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet u kumpaniji internazzjonali oħrajn f'dawn l-ibliet tfisser li persuni mill-kontinent kollu jiġu hawn biex jgħixu u jaħdmu, u tista’ tistenna li tisma' bosta lingwi mitkellmin fit-toroq.

Iż-żewġt ibliet għandhom żoni ta' xiri u ħafna postijiet ta' divertiment, b'għażla kbira ta' ristoranti, klabbs u bars, postijiet kulturali u klabbs sportivi. Huma kompatti, u ma tantx hemm bogħod biex mill-belt issib ruħek fil-kampanja. Peress li jinsabu fil-qalba tal-Ewropa, ħafna bliet kapitali Ewropej jinsabu biss ftit sigħat 'il bogħod (Amsterdam, Pariġi, Londra).

Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Karriera mal-UE toffrilek bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Għalkemm ir-rwoli fl-istituzzjonijiet tal-UE huma impenjattivi u ta’ sfida, ħafna drabi huwa possibbli li wieħed jinnegozja l-opportunitajiet ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Remunerazzjoni

Jekk tapplika għal pożizzjoni permanenti, kuntratt għal żmien determinat, jew rwol temporanju, aħna noffrulek salarju kompetittiv skont il-ħiliet u l-esperjenza tiegħek. Is-salarji jvarjaw skont il-grad jew ir-rwol li qed tapplika għalih.

Għandek mnejn tkun intitolat għal gratifiki tal-espatrijazzjoni, tfal dipendenti jew gratifika tat-trasport, skont is-sitwazzjoni personali tiegħek.

Ħajja familjari

Jekk għandek jew qed tippjana li jkollok familja f'xi punt jew ieħor, Brussell u l-Lussemburgu joffru skejjel nazzjonali, Ewropej u internazzjonali eċċellenti u min-naħa tagħna bi pjaċir ngħinuk tikkuntattja l-iskejjel tal-krexx, il-grupp tal-logħob u faċilitajiet oħrajn.

Opportunitajiet ta' taħriġ

Meta taħdem għall-Istituzzjonijiet tal-UE tkun qiegħed kontinwament tiżviluppa l-kapaċitajiet li għandek biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-karriera mimlija sfidi tiegħek. Tisma' ħafna lingwi kuljum matul il-ġurnata tax-xogħol. B’hekk it-tagħlim tal-lingwi jkun parti importanti mill-iżvilupp tal-karriera tiegħek. Qabel ma tingħata l-ewwel promozzjoni trid tagħti prova tal-kapaċitajiet lingwisitiċi akkwistati fit-tielet lingwa Ewropea u l-Istituzzjonijiet Ewropej joffru korsijiet fil-lingwi kollha uffiċjali biex ikun eħfef li tikkomunika mal-membri tat-tim tiegħek. Tista' tagħżel bejn 6 livelli differenti (minn livell baxx sa dak avvanzat) f’korsijiet intensivi, darbtejn f'ġimgħa jew onlajn.

Minbarra l-lingwi noffru wkoll opportunitajiet ta’ taħriġ biex ittejjeb ħiliet professjonali essenzjali oħra hekk kif il-karriera tiegħek timxi ‘l quddiem. B’dan il-mod inkunu nistgħu noffru żvilupp tal-karriera tul il-ħajja lill-kandidati kollha li jirnexxilhom jidħlu jaħdmu mal-UE.