Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Amministraturi fil-qasam tat-tassazzjoni

picture of people

Għandek esperjenza fit-tassazzjoni diretta jew indiretta? Tixtieq tibda karriera internazzjonali fi ħdan tim multikulturali u varjat? Jekk iva, kompli aqra.

L-istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu professjonisti f’żewġ oqsma differenti: it-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni indiretta, inkluża l-liġi tat-taxxa. Il-kandidati li jirnexxu se jiġu reklutati bħala amministraturi, il-grad AD 6.

Il-kompiti ewlenin tiegħek ivarjaw skont il-qasam magħżul. Innota li tista’ tapplika biss għal wieħed minn dawn l-oqsma:

  • Qasam 1 – It-tassazzjoni diretta, inkluża l-liġi tat-taxxa

Il-kompiti ewlenin tiegħek jistgħu jinkludu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta; il-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi (jiġifieri, pajjiżi mhux fl-UE); l-eżami tal-inkjesti, tal-ilmenti u tal-petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ tassazzjoni diretta; it-tħejjija ta’ opinjonijiet u ta’ dokumenti legali għal proċeduri tal-qorti u ta’ arbitraġġ; il-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ ksur; l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; l-iffaċilitar tal-proposti leġiżlattivi, l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-koordinazzjoni tal-għodod tal-IT mal-Istati Membri; ir-rappreżentanza u n-negozjar internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ tassazzjoni diretta; it-twettiq ta’ analiżijiet politiċi, dwar il-politiki, legali jew xjentifiċi; il-ġestjoni tal-baġits u tal-proġetti relatati mat-tassazzjoni diretta.

  • Qasam 2 - It-tassazzjoni indiretta, inkluża l-liġi tat-taxxa

Il-kompiti ewlenin tiegħek jistgħu jinkludu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta; l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta; l-eżami tal-inkjesti, tal-ilmenti u tal-petizzjonijiet relatati mat-tassazzjoni indiretta; it-tħejjija ta’ opinjonijiet legali u l-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ ksur; l-ippjanar, it-twettiq u s-segwitu tal-ispezzjonijiet tal-VAT fl-Istati Membri u l-kompiti relatati; il-koordinazzjoni, in-negozjar u r-rappreżentanza tal-interessi fil-livell internazzjonali; it-twettiq ta’ analiżi politika, legali u xjentifika, l-għoti ta’ pariri, u t-tisrif tal-għarfien tekniku f’miżuri rilevanti; il-ġestjoni ta’ aspetti baġitarji, finanzjarji u tal-kontabilità, u s-sorveljanza ta’ proġetti fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

L-informazzjoni ddettaljata dwar id-dmirijiet speċifiċi li l-kandidati magħżulin jistgħu jistennew li jwettqu hija inkluża fl-Avviż tal-Kompetizzjoni (ara l-Anness II – Dmirijiet tipiċi).