Għaliex ma nistax nuża l-kompjuter korporattiv tiegħi għat-testijiet ta’ selezzjoni online tal-EPSO?
Ħafna minna nużaw kompjuters korporattivi għal kompiti mhux relatati max-xogħol, bħall-konsultazzjoni tal-kontijiet tal-email personali tagħna, l-ibbukkjar tal-biljetti tal-ajru, l-appuntamenti personali, l-ibbrawżjar tal-internet, eċċ. B’mod simili, ħafna kandidati jistgħu jistennew li jkunu jistgħu jużaw il-kompjuters korporattivi tagħhom biex jagħmlu t-testijiet ta’ selezzjoni online tal-EPSO [1].
Dawn it-testijiet jeħtieġu li parti terza – kuntrattur estern – tieħu l-kontroll tal-kompjuter tiegħek waqt li tkun qed tagħmel it-test. Fost affarijiet oħrajn, dan jimpedixxi lill-kandidati milli jibbrawżjaw l-internet jew milli jkollhom applikazzjonijiet miftuħin li jkunu barra mill-mandat tat-testijiet.
Fl-ambjent diġitali tal-klijenti istituzzjonali tal-EPSO, hemm diversi saffi ta’ sigurtà tal-IT applikati għall-kompjuters korporattivi, inklużi l-laptops. Dawn jinkludu, prinċipalment: firewalls tan-network u tipi oħra ta’ restrizzjonijiet ta’ aċċess.
Sabiex it-testijiet ta’ selezzjoni online jkunu jistgħu jsiru fuq kompjuter korporattiv – inklużi dawk disponibbli għall-istaff tal-klijenti istituzzjonali tal-EPSO (eż. il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u oħrajn) – il-kontrolli multipli tas-sigurtà jkollhom jiġu diżattivati, isiru anqas stretti jew jinbidlu minn amministratur awtorizzat.
Dan jista’ jinkludi t-tibdil tar-regoli tal-firewall jew permessi lokali fuq il-kompjuter korporattiv tiegħek u fuq is-settings tar-reġistru tal-Windows tiegħek.
Dawn il-bidliet kollha jistgħu jippreżentaw riskji magħrufin u mhux magħrufin għall-partijiet ikkonċernati korporattivi, xi wħud minnhom potenzjalment serji.
Naturalment, il-klijenti istituzzjonali tal-EPSO, u partijiet ikkonċernati korporattivi oħrajn, iridu jiżguraw li r-riskji għall-ambjent diġitali tagħhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun.
Huma jridu jiżguraw is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-integrità tas-sistemi tal-IT tagħhom u d-data li jġorru, kif muri fil-piramida ta’ hawn taħt.
Kwalunkwe deċiżjoni li tippermetti lill-kandidati jagħmlu t-testijiet online tal-EPSO billi jużaw il-kompjuters korporattivi tagħhom ikollha ssir mill-klijenti istituzzjonali tal-EPSO, jew minn partijiet ikkonċernati korporattivi rilevanti oħrajn. L-EPSO mhux f’pożizzjoni li jieħu din id-deċiżjoni f’isimhom.
Nifhmu li dan jista’ joħloq inkonvenjenza għal xi kandidati li jixtiequ jużaw il-kompjuters korporattivi tagħhom biex jagħmlu t-testijiet ta' selezzjoni online tal-EPSO.
Il-biċċa l-kbira tal-kandidati rnexxielhom isibu soluzzjonijiet adegwati (pereżempju, billi jużaw l-apparat tagħhom stess jew jissellfu wieħed mingħand ħaddieħor).
Biex issir taf aktar dwar l-EPSO u l-kompetizzjonijiet tagħna, jekk jogħġbok żur is-sit web tagħna, b’mod partikolari l-paġna tagħna dwar il-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs):
FAQs | Karrieri mal-UE (europa.eu)
Sensibilizzazzjoni u Relazzjonijiet Esterni, 5 ta’ Settembru 2023
[1] It-testijiet online jiġu amministrati u mmonitorjati minn persuna umana jew sistema awtomatika. Fil-kuntest tal-ittestjar tal-EPSO, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-kandidati jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tat-test u li ma jużaw ebda mezz qarrieqi biex jgħaddu mit-test.