Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Ġuristi lingwisti/reviżuri legali għal DA, DE, EN, ET, HR, NL, RO u SL

picture of a laptop

Inti ġurista multilingwi, interessat li ssegwi karriera internazzjonali?

L-istituzzjonijiet tal-UE qed ifittxu ġuristi lingwisti/reviżuri legali bi kwalifiki għolja tal-lingwa Daniża (DA), Ġermaniża (DE), Ingliża (EN), Estonjana (ET), Kroata (HR), Olandiża (NL), Rumena (RO), Slovena (SL). L-uffiċjali reklutati (grad AD7) se jaħdmu fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew fil-Kummissjoni Ewropea. Dan l-avviż jirrigwarda tmien kompetizzjonijiet. Kandidat jista’ japplika biss għal waħda minnhom.

Bħala ġurista lingwista/reviżur legali, int trid tkun kapaċi kapaċi tirrevedi traduzzjonijiet ta’ testi ġuridiċi tal-UE fil-lingwa tal-kompetizzjoni minn tal-inqas żewġ lingwi oħra u tipprovdi pariri dwar l-abbozzar leġiżlattiv sabiex tiżgura l-kwalità tal-abbozzar ta’ atti ġuridiċi tal-UE.

Bħala ġurista lingwista (fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill), tista’ tintalab tipprovdi konsulenza proċedurali, ta’ abbozzar u ġuridika; li tabbozza u tivverifika l-abbozzar ta’ emendi għal proposti għal atti leġiżlattivi; u li tivverifika l-konsistenza ġuridika u lingwistika tat-testi leġiżlattivi (diġà tradotti) fil-lingwa tal-kompetizzjoni ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-testi.

Bħala reviżur legali (fil-Kummissjoni Ewropea), int tipprovdi konsulenza ġuridika lill-Kummissjoni u lis-servizzi tagħha dwar l-abbozzar leġiżlattiv matul l-iżvilupp ta’ proposti leġiżlattivi u atti tal-Kummissjoni. Int tivverifika wkoll il-konsistenza ġuridika u lingwistika ta’ proposti leġiżlattivi u atti tal-Kummissjoni (li diġà ġew tradotti u riveduti) fil-lingwa tal-kompetizzjoni ma’ verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dawn it-testi.