Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Istituzzjonijiet u Korpi tal-UE li l-EPSO jaħdem għalihom

 
 

Il-Parlament Ewropew hu organizzazzjoni dinamika, inklużiva u multilingwi li toffri varjetà wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ karriera u ta’ żvilupp. L-istaff tal-Parlament jagħti s-setgħa lill-MEPs eletti direttament għal demokrazija Ewropea vibranti, billi jgħinhom f’ħidmithom biex jibnu Ewropa aktar paċifika, sikura, ġusta u prospera. Il-Parlament joffri opportunitajiet ta’ karriera f’firxa wiesgħa ta’ dipartimenti, kemm jekk marbuta max-xogħol leġiżlattiv ewlieni tal-Parlament u kemm jekk f’oqsma li jiżguraw it-tħaddim bla intoppi tal-istituzzjoni. Kull membru tal-istaff għandu rwol importanti, direttament jew indirettament, fix-xogħol tal-Parlament għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE, billi jikkontribwixxi għall-promozzjoni u d-difiża tad-demokrazija, il-libertà tal-kelma, u d-drittijiet tal-bniedem fl-UE u lil hinn minnha. Żur il-paġna web il-ġdida tal-Parlament Ewropew “aħdem magħna” biex issib aktar opportunitajiet ta’ xogħol ippubblikati mill-istituzzjoni.

 

Xogħol mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jipprovdik b’opportunità unika biex tappoġġja u tassisti lil żewġ istituzzjonijiet ewlenin, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE.
Il-Kunsill Ewropew, li l-membri tiegħu huma l-kapijiet ta’ stat u gvern tal-istati membri kollha tal-UE, jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE li huma kruċjali għall-futur tal-UE. Hu jistabbilixxi l-aġenda strateġika u politika fl-ogħla livell politiku. Il-Kunsill tal-UE jinnegozja u jadotta l-liġijiet tal-UE, jikkoordina l-politiki tal-Istati Membri, jiżviluppa politika estera u ta’ sigurtà komuni, u jikkonkludi ftehimiet internazzjonali. Il-ministri u s-segretarji tal-istat tal-istati membri kollha tal-UE jiltaqgħu f’10 konfigurazzjonijiet differenti, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss.

 

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea (KE) hu li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE billi tipproponi u tinforza l-leġiżlazzjoni: hi l-fergħa eżekuttiva politikament independenti tal-UE.  It-tmexxija politika hi pprovduta minn tim ta' Kummissarji (wieħed minn kull pajjiż tal-UE) – immexxija mill-President tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi min hu responsabbli għal liema qasam politiku. Meta toħroġ il-proposta għal test leġiżlattiv, din tmur għall-adozzjoni mill-Kunsill (li jirrappreżenta lill-Istati Membri) u mill-Parlament (li jirrappreżenta ċ-ċittadini Ewropej). Hi tamministra l-baġit tal-UE u l-programmi ta’ politika (i.e. l-agrikoltura, is-sajd, ir-riċerka, eċċ.) f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet fil-pajjiżi membri.

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) hi l-korp ġudizzjarju tal-UE. Ir-rwol tagħha hu li tiżgura li l-liġijiet tal-UE jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE u applikati bl-istess mod fl-UE kollha. Dan jiżgura li l-UE tkun ibbażata fuq l-istat tad-dritt, element fundamentali tal-entitajiet demokratiċi kollha.

 

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hi l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Brussell tat-22 ta’ Lulju 1975 u bdiet taħdem f’Ottubru1977. Il-QEA hi waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE: hi bbażata fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 awditur, staff ta’ appoġġ u amministrattiv tan-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) hu l-vuċi tar-reġjuni u l-ibliet fl-Unjoni Ewropea. Hu assemblea politika li tlaqqa’ flimkien aktar minn 300 politiku lokali u reġjonali. Permezz tal-opinjonijiet u d-diskussjonijiet tagħhom mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-membri tal-KtR jikkontribwixxu għat-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hu forum uniku għall-konsultazzjoni, id-djalogu u l-kunsens bejn ir-rappreżentanti mis-setturi differenti kollha tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi min iħaddem, it-trade unions u gruppi bħal assoċjazzjonijiet professjonali u tal-komunità, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, gruppi tan-nisa, bdiewa, konsumaturi, SMEs, attivisti ambjentali u ħafna aktar. Il-missjoni tiegħu hi li jagħti vuċi lis-soċjetà ċivili organizzata.

 

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) hu l-awtorità indipendenti tal-protezzjoni tad-data tal-UE, bil-kompitu li jara li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jirrispettaw il-liġi tal-protezzjoni tad-data. Hu wkoll konsulent imparzjali dwar politiki u liġijiet proposti, li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) hu l-korp diplomatiku tal-Unjoni Ewropea. Hu jappoġġja l-kap tal-affarijiet barranin tal-UE – ir-Rappreżentant għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà – fit-tmexxija tal-Politika Esterna u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni. Għalkemm hu bbażat fi Brussell, hu jiddependi minn network estensiv ta’ preżenza diplomatika tal-UE fid-dinja kollha. Is-SEAE jgħaqqad flimkien impjegati taċ-ċivil Ewropej, diplomatiċi mis-servizzi barranin tal-Istati Membri tal-UE u staff lokali f’pajjiżi fid-dinja kollha.

 

L-Ombudsman Ewropew (OE) hu uffiċċju dinamiku żgħir li jgħin lill-membri tal-pubbliku hekk kif jimpenjaw ruħhom mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. L-Ombudsman jinvestiga lmenti dwar kwistjonijiet li jvarjaw min-nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti sal-ksur tad-drittijiet fundamentali u kwistjonijiet kuntrattwali. L-Ombudsman imexxi wkoll inkjesti fuq inizjattiva proprja dwar kwistjonijiet sistemiċi, u jinkoraġġixxi prattiki amministrattivi tajbin. B’tim ta’ madwar 80 persuna, il-missjoni tal-Ombudsman hi li joħloq amministrazzjoni tal-UE aktar effettiva, responsabbli, trasparenti u etika.