Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Kompetizzjoni għall-Amministraturi fil-qasam tat-trasport miftuħa mill-ġdid

It-testijiet tas-selezzjoni issa huma disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE

Għandek esperjenza fil-qasam tat-trasport? Tixtieq tibda karriera internazzjonali fi ħdan tim multikulturali u varjat? Jekk it-tweġiba hija iva, allura għandek ċans ieħor li tapplika għall-kompetizzjoni għall-Amministraturi fil-qasam tat-trasport.

Mill-2024 ’il quddiem, l-EPSO qed isaħħaħ l-impenn tiegħu għall-multilingwiżmu billi jimplimenta reġim sħiħ ta’ 24 lingwa f’kompetizzjonijiet miftuħa. Din il-bidla għandha l-għan li tippermetti lill-kandidati jagħżlu liberalment kwalunkwe tnejn mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE għall-ittestjar. Bħala parti minn din it-tranżizzjoni, il-kompetizzjoni attwali se tgħaddi wkoll minn aġġustamenti fil-portafoll tat-testijiet tagħha, pereżempju, l-istudju tal-każ se jiġi sostitwit b’test bil-miktub li jiffoka fuq il-ħiliet tal-komunikazzjoni bil-miktub.

Il-kompetizzjoni qed terġa’ tinfetaħ biex tqis dawk l-aġġustamenti. Dan japplika kemm għall-kandidati eżistenti kif ukoll għall-kandidati ġodda interessati li japplikaw. 

  • Il-kandidati li diġà ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom iridu jirrieżaminawhom u jivvalidawhom mill-ġdid biex ikomplu jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni. Huma se jkollhom l-opportunità li jikkunsidraw mill-ġdid l-għażliet lingwistiċi tat-test tagħhom u li jżidu informazzjoni ġdida mal-applikazzjonijiet tagħhom, kif rilevanti. Se tingħata aktar informazzjoni lil dawn il-kandidati permezz tal-Profili tal-EPSO tagħhom.

Għal informazzjoni dwar l-emendi preċiżi fl-Avviż inizjali tal-kompetizzjoni EPSO/AD/410/23, jekk jogħġbok irreferi għall-Avviż li jemenda l-avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa – EPSO/AD/410/23.

Wara t-tlestija b’suċċess tal-kompetizzjoni, l-uffiċjali reklutati (grad AD 7) se jaħdmu prinċipalment fil-Kummissjoni Ewropea, b’mod predominanti mad-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE). Istituzzjonijiet oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma interessati wkoll li jirreklutaw kandidati li jgħaddu mil-lista ta’ riżerva għal din il-kompetizzjoni.

Ladarba jkunu fuq lista ta’ riżerva, il-kandidati li jgħaddu jistgħu jiġu kkuntattjati mis-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE interessati fil-profil tagħhom, għal intervisti ta’ reklutaġġ immirati. Tali intervisti, u kwalunkwe proċedura relatata oħra, huma barra mill-proċess tas-selezzjoni mwettaq mill-EPSO. L-intervisti ta’ reklutaġġ jitwettqu mis-servizzi ta’ reklutaġġ rilevanti normalment bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż. Matul l-intervisti jistgħu jintużaw ukoll lingwi oħra, abbażi tal-ħtiġijiet tas-servizzi ta’ reklutaġġ u l-għarfien espress mill-kandidati fl-applikazzjonijiet tagħhom.

Bħala amministratur fil-qasam tat-trasport, il-kompiti ewlenin tiegħek se jinkludu l-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni ġodda dwar it-trasport, flimkien mal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ liġijiet eżistenti. Barra minn hekk, ir-rwol tiegħek se jestendi għall-koordinazzjoni, in-negozjar u r-rappreżentanza, inkluż fil-livell internazzjonali, fil-qasam tat-trasport.

Barra minn hekk, se twettaq analiżijiet politiċi/ta’ politika, legali jew xjentifiċi. Dawn jinvolvu l-koordinazzjoni ma’ esperti/kumitati, u t-tisrif ta’ analiżijiet xjentifiċi u tekniċi f’miżuri ta’ politika, legali u/jew operazzjonali rilevanti. Se tkun ukoll responsabbli għas-sorveljanza tal-aspetti baġitarji u finanzjarji, kif ukoll għall-ġestjoni tal-proġetti fil-qasam.

Bħala impjegatur, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ l-iżvilupp personali u professjonali tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex minn dan jibbenefikaw madwar 450 miljun ċittadin tal-UE, u oħrajn lil hinn minnha.

Ir-rispett għad-diversità kulturali u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs huma prinċipji fundamentali tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jagħmel minn kollox biex jiżgura opportunitajiet u aċċess indaqs lill-kandidati kollha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs u kif għandek tagħmel biex titlob aġġustamenti speċjali għat-testijiet ta’ selezzjoni fil-paġna ddedikata tagħna.

Għandek dak li hu meħtieġ?

  • Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE u tgawdi d-drittijiet kollha ta’ ċittadin tal-UE.
     
  • Irid ikollok għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali differenti tal-UE.
     
  • Irid ikollok ukoll:
    • lawrja universitarja ta’ mill-anqas 3 snin fil-liġi, fl-ekonomija, fl-inġinerija, fit-trasport, fil-loġistika, jew fix-xjenza politika, segwita minn mill-anqas 7 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.

      jew
       
    • lawrja universitarja ta’ mill-anqas 4 snin fil-liġi, fl-ekonomija, fl-inġinerija, fit-trasport, fil-loġistika, jew fix-xjenza politika, segwita minn mill-anqas 6 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.

      jew
       
    • lawrja universitarja ta’ mill-anqas 3 snin f’qasam ieħor minbarra dawk li ssemmew hawn fuq, segwita minn mill-anqas 9 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.

Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni u l-avviż ta’ emenda fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.

Il-perjodu għall-applikazzjonijiet jiftaħ fl-1 ta’ Marzu 2024 u jintemm fid-9 ta’ April 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.