
Ħajja tal-familja

Jekk għandek jew qed tippjana familja f’xi punt fil-futur tiegħek, se tkun intitolat għal benefiċċji addizzjonali bħall-allowance tal-familja u tat-tfal, il-leave tal-ġenituri, l-allowance għall-edukazzjoni u kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali għall-persuni espatrijati u l-membri tal-familja tagħhom.
Ix-xogħol fi Brussell jew fil-Lussemburgu jagħtik vantaġġ miżjud: it-tnejn huma bliet prattiċi għall-familja, għandhom skejjel nazzjonali u internazzjonali eċċellenti kif ukoll faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal. Fosthom hemm l-Iskejjel Ewropej li joffru edukazzjoni multilingwi u multikulturali lit-tfal tal-istaff tal-UE.
Skejjel Ewropej
L-Iskejjel Ewropej huma stabbilimenti edukattivi uffiċjali kkontrollati b’mod konġunt mill-Gvernijiet tas-27 Stat Membru tal-UE. Huma mmirati primarjament lejn it-tfal tal-istaff tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-missjoni tal-Iskejjel Ewropej hi li jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità multilingwi u multikulturali għall-istudenti tan-nursery, tal-primarja u tas-sekondarja. L-istruzzjoni bażika tingħata bil-lingwi uffiċjali tal-UE. Dan il-prinċipju jippermetti li tiġi salvagwardjata s-supremazija tal-lingwa nattiva tal-istudent (L1). Konsegwentement, kull skola tinkludi diversi sezzjonijiet lingwistiċi. Biex titrawwem l-unità tal-iskola u titħeġġeġ edukazzjoni multikulturali ġenwina, hemm enfasi qawwija fuq it-tagħlim, il-fehim u l-użu ta’ lingwi barranin.
In-network tal-Iskejjel Ewropej bħalissa hu magħmul minn 13-il skola b’total ta’ madwar 28,300 student irreġistrat. Il-maġġoranza ta’ dawn l-istudenti huma bbażati fi Brussell u fil-Lussemburgu, iżda l-iskejjel jinsabu wkoll fi Stati Membri oħrajn.
Tista’ titgħallem aktar dwar l-objettivi u l-prinċipji tal-Iskejjel Ewropej u ssib il-postijiet kollha tagħhom.
Nurseries, kindergartens u childcare ta’ wara l-ħin tal-iskola
L-istituzzjonijiet tal-UE joffru servizzi ta’ kwalità għolja għaċ-childcare, inklużi nurseries (crèches) u kindergartens, kif ukoll attivitajiet ta’ childcare wara l-ħin tal-iskola, għat-tfal tal-impjegati tagħhom ibbażati fi Brussell u l-Belt tal-Lussemburgu.
Dawn il-faċilitajiet huma mfasslin biex jipprovdu lit-tfal b’kura ta’ kwalità għolja ffukata fuq il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tagħhom waqt li l-ġenituri tagħhom ikunu fuq il-post tax-xogħol. Misjubin f’diversi siti, dawn jiġu approvati u mmonitorjati mill-awtoritajiet lokali rilevanti. L-ambjent multikulturali tagħhom irawwem il-ftuħ u r-rispett għal sfondi differenti, filwaqt li jiżgura spazju għat-trawwim fejn it-tfal kollha jistgħu jirnexxu.
Xi faċilitajiet huma ta’ natura interistituzzjonali u mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea, faċilitajiet oħrajn huma mmexxija mill-istituzzjoni kkonċernata għall-istaff tagħhom biss.