![man doing statistics on his laptop](/sites/default/files/styles/l/public/2024-05/iStock-1488294044.jpg?itok=L_qRXr3n)
Amministraturi fil-qasam tal-istatistika
![man doing statistics on his laptop](/sites/default/files/styles/l/public/2024-05/iStock-1488294044.jpg?itok=L_qRXr3n)
Għandek esperjenza fil-qasam tal-istatistika? Tixtieq tibda karriera internazzjonali fi ħdan tim multikulturali u varjat? Jekk iva, kompli aqra.
L-UE qed tfittex professjonisti bi kwalifiki għoljin fil-qasam tad-data u l-istatistika, kif ukoll fl-istatistika makroekonomika. Il-kandidati magħżula se jiġu reklutati fil-gradi ta’ amministratur AD 6 u AD 7, rispettivament.
Il-kompiti ewlenin tiegħek ivarjaw skont il-qasam magħżul. Innota li tista’ tapplika biss għal wieħed minn dawn l-oqsma:
Qasam 1 – Data u statistika Id-dmirijiet tipiċi tiegħek jaqgħu f’wieħed miż-żewġ oqsma ewlenin:
- Metodoloġija u produzzjoni ta’ statistika uffiċjali
jew
- Xjenza tad-data għall-istatistika uffiċjali.
Qasam 2 – Statistika makroekonomika: Id-dmirijiet tipiċi tiegħek jaqgħu f’wieħed miż-żewġ oqsma ewlenin:
- Kontijiet nazzjonali, statistika tal-prezzijiet u bilanċ tal-pagamenti
jew
- Statistika dwar il-finanzi tal-gvern u statistika dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
L-informazzjoni dettaljata dwar id-dmirijiet speċifiċi li l-kandidati magħżulin jistgħu jistennew li jwettqu hi inkluża fl-Avviż tal-Kompetizzjoni (ara l-Anness II - Dmirijiet tipiċi).
DIVERSITÀ U INKLUŻJONI
Bħala impjegaturi, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE joffru komunità ta’ għarfien espert b’firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex twessa’ l-iżvilupp personali u professjonali tiegħek. It-timijiet multikulturali, internazzjonali u diversi li jiffurmaw is-Servizz Ċivili tal-UE jaħdmu flimkien biex minn dan jibbenefikaw madwar 450 miljun ċittadin tal-UE, u oħrajn lil hinn minnha.
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li l-EPSO jaħdem għalihom, huma impenjati favur id-diversità u l-inklużjoni. Huma jfittxu d-diversità b’mod attiv u jippromwovu l-inklużjoni fost l-istaff tagħhom. Għalhekk, l-EPSO jinkoraġġixxi applikazzjonijiet minn kandidati kwalifikati minn sfondi differenti u fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Tgħallem aktar dwar id-Diversità u l-Inklużjoni fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE f’din il-paġna web iddedikata.
Għandek dak li hu meħtieġ?
- Biex tapplika, trid tkun ċittadin tal-UE u tgawdi d-drittijiet kollha ta’ ċittadin tal-UE.
- Irid ikollok għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali differenti tal-UE.
- Irid ikollok ukoll:
Għall-qasam 1 – Data u statistika (AD 6):
- lawrja universitarja ta’ mill-inqas 3 snin fl-istatistika, il-finanzi, il-matematika, il-metroloġija, id-demografija, l-informatika, ix-xjenza tal-kompjuter, il-fiżika, ir-riċerka operazzjonali, l-inġinerija, ix-xjenza soċjali, is-soċjoloġija, l-amministrazzjoni tan-negozju, l-ekonomija, segwita minn mill-inqas 4 snin esperjenza professjonali rilevanti.
*Ir-rekwiżit tal-edukazzjoni jitqies sodisfat jekk il-kandidat ikollu lawrja universitarja f’qasam differenti, iżda jkun temm kors akkademiku ta’ sena u jkun kiseb diploma f’wieħed mill-oqsma speċifikati hawn fuq, dment li l-istudji inkwistjoni jitqiesu ekwivalenti għal studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin (eż. studji ta’ konverżjoni).
jew
- lawrja universitarja ta’ mill-anqas 4 snin f’wieħed mill-oqsma elenkati hawn fuq, segwita minn mill-anqas 3 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.
*Ir-rekwiżit tal-edukazzjoni jitqies issodisfat jekk il-kandidat ikollu lawrja avvanzata (master, PhD, jew ekwivalenti) f’wieħed mill-oqsma speċifikati hawn fuq, irrispettivament mill-qasam tal-istudji preċedenti kkompletati mill-kandidat.
jew
lawrja universitarja ta’ mill-anqas 3 snin f’qasam ieħor minbarra dawk li ssemmew hawn fuq, segwita minn mill-anqas 6 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.
Għall-qasam 2 – Statistika makroekonomika (AD 7)
- lawrja universitarja ta’ mill-anqas 3 snin fl-istatistika, fil-matematika, fl-ekonomija jew fl-amministrazzjoni tan-negozju, segwita minn mill-inqas 7 snin esperjenza professjonali rilevanti.
*Ir-rekwiżit tal-edukazzjoni jitqies issodisfat jekk il-kandidat ikollu lawrja universitarja f’qasam differenti iżda jkun temm kors akkademiku ta’ sena u jkun kiseb diploma f’wieħed mill-oqsma li ġejjin: metodoloġija ġenerali tal-istatistika, inklużi metodi matematiċi għall-istatistika uffiċjali; statistika makroekonomika; statistika fiskali, sakemm l-istudji inkwistjoni jitqiesu ekwivalenti għal studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin (eż. studji ta’ konverżjoni)
jew
- lawrja universitarja ta’ mill-anqas 4 snin f’wieħed mill-oqsma elenkati hawn fuq, segwita minn mill-anqas 6 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.
*Ir-rekwiżit tal-edukazzjoni jitqies issodisfat jekk il-kandidat ikollu lawrja avvanzata (master, PhD, jew ekwivalenti) f’wieħed mill-oqsma speċifikati hawn fuq, irrispettivament mill-qasam tal-istudji preċedenti kkompletati mill-kandidat.
jew
- lawrja universitarja ta’ mill-anqas 3 snin f’qasam ieħor minbarra dawk li ssemmew hawn fuq, segwita minn mill-anqas 8 snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti.
Il-kandidati jistgħu jagħżlu b’mod liberu kwalunkwe tnejn mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE għall-ittestjar. Ladarba jkunu fuq lista ta’ riżerva, il-kandidati magħżulin jistgħu jiġu kkuntattjati mis-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE interessati fil-profil tagħhom, għal intervisti ta’ reklutaġġ immirati. Tali intervisti, u kwalunkwe proċedura relatata oħra, huma barra mill-proċess tas-selezzjoni mwettaq mill-EPSO. L-intervisti ta’ reklutaġġ jitwettqu mis-servizzi ta’ reklutaġġ rilevanti normalment bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż. Matul l-intervisti jistgħu jintużaw ukoll lingwi oħra, abbażi tal-ħtiġijiet tas-servizzi ta’ reklutaġġ u l-għarfien espress mill-kandidati fl-applikazzjonijiet tagħhom.
Għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok aqra l-Avviż tal-Kompetizzjoni fil-paġna tal-applikazzjoni tagħna hawn taħt.
Il-perjodu għall-applikazzjonijiet jiftaħ fil-11 ta’ Ġunju 2024 u jintemm fis- 16 ta’ Lulju 2024, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.