Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Diversità u Inklużjoni fl-Istituzzjonijiet u l-Korpi tal-UE

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE huma impjegaturi impenjati ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mad-Diversità u l-Inklużjoni. Hawn taħt għandek issib aktar informazzjoni dwar kif din il-kwistjoni tiġi ttrattata mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, inklużi l-istqarrijiet tal-missjoni rispettivi tagħhom. Se tkun tista’ wkoll tikkuntattjahom għal aktar informazzjoni, kif rilevanti.
 

Il-Parlament Ewropew huwa forum importanti għad-dibattitu politiku u għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti direttament mill-votanti fl-Istati Membri kollha biex jirrappreżentaw l-interessi tan-nies fir-rigward tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE u biex jiżguraw li istituzzjonijiet oħra tal-UE qed jaħdmu b’mod demokratiku. Il-Parlament jaġixxi bħala koleġiżlatur, billi jaqsam mal-Kunsill is-setgħa li jadotta u jemenda proposti leġiżlattivi u li jiddeċiedi dwar il-baġit tal-UE. Hu jissorvelja wkoll il-ħidma tal-Kummissjoni u ta’ korpi oħra tal-UE u jikkoopera mal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE biex jikseb il-kontribut tagħhom.

Stqarrija tal-missjoni
“Il-Parlament Ewropew huwa impjegatur inklużiv, li jagħti valur u jfittex ġabra diversa ta’ talenti. Inrawmu ambjent sikur u rispettuż, ħieles minn kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni għall-istaff kollu tagħna, kif rifless mill-politiki u l-approċċi tagħna dwar ir-riżorsi umani”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-Parlament Ewropew.
Kuntatt: PERS-EIDU@europarl.europa.eu


Il-Kunsill Ewropew, li l-membri tiegħu huma l-kapijiet ta’ stat u gvern tal-Istati Membri kollha tal-UE, jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE li huma kruċjali għall-futur tal-UE. Hu jistabbilixxi l-aġenda strateġika u politika fl-ogħla livell politiku. Il-Kunsill tal-UE jinnegozja u jadotta l-liġijiet tal-UE, jikkoordina l-politiki tal-Istati Membri, jiżviluppa l-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u jikkonkludi ftehimiet internazzjonali. Il-ministri u s-segretarji tal-istat tal-Istati Membri kollha tal-UE jiltaqgħu f’10 konfigurazzjonijiet differenti, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss.

Stqarrija tal-missjoni
“Fis-SĠK aħna nfittxu b’mod attiv id-diversità u nippromwovu l-inklużjoni fost il-persunal. Aħna nħaddnu d-differenzi kollha u nrawmu r-rispett u sens ta’ appartenenza. Aħna nemmnu li d-diversità tarrikkixxi l-perspettivi tagħna, ittejjeb il-prestazzjoni tagħna u tagħmel lil kulħadd iħossu sikur u apprezzat”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-Kunsill.
Kuntatt:  diversity.inclusion@consilium.europa.eu


Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea (KE) hu li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE billi tipproponi u tinforza l-leġiżlazzjoni: hija l-fergħa eżekuttiva politikament independenti tal-UE.  It-tmexxija politika hija pprovduta minn tim ta' Kummissarji (wieħed minn kull stat membru tal-UE) – immexxija mill-President tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi min hu responsabbli għal qasam partikolari ta’ politika. Meta toħroġ il-proposta għal test leġiżlattiv, din tmur għall-adozzjoni mill-Kunsill (li jirrappreżenta lill-Istati Membri) u mill-Parlament (li jirrappreżenta ċ-ċittadini Ewropej). Hi tamministra l-baġit tal-UE u l-programmi ta’ politika (i.e. l-agrikoltura, is-sajd, ir-riċerka, eċċ.) f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet fil-pajjiżi membri.

Stqarrija tal-missjoni
“Li nippromwovu d-diversità u l-inklużjoni fil-komunità kollha tar-Riżorsi Umani u mmexxu l-integrazzjoni tagħhom fil-politiki u l-proċessi kollha tar-riżorsi umani fi ħdan l-istituzzjoni. L-għan aħħari huwa li tinħoloq kultura tax-xogħol verament inklużiva, fejn kulħadd iħossu sikur, mismugħ u apprezzat”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Kuntatt: HR-DIVERSITY-INCLUSION-OFFICE@ec.europa.eu


Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) hi l-korp ġudizzjarju tal-UE. Ir-rwol tagħha hu li tiżgura li l-liġijiet tal-UE jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE u applikati bl-istess mod fl-UE kollha. Dan jiżgura li l-UE tkun ibbażata fuq l-istat tad-dritt, element fundamentali tal-entitajiet demokratiċi kollha.

Stqarrija tal-missjoni
“Fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, niżguraw opportunitajiet indaqs, diversità u inklużjoni tal-kandidati u tal-membri tal-istaff irrispettivament mis-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tikkuntattja: egalite des chances.diversite@curia.europa.eu


Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) hu wieħed mill-istituzzjonijiet uffiċjali ġodda tal-UE, stabbilit fl-1998, b’aktar minn 3,500 impjegat mill-Ewropa kollha. Il-promozzjoni tal-integrazzjoni finanzjarja u tal-istabbiltà finanzjarja huma fil-qalba tal-missjoni tal-BĊE. Il-BĊE jaħdem mill-qrib mad-19-il bank ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro u flimkien magħhom jifforma grupp imsejjaħ l-Eurosistema. Għandu wkoll kuntatt regolari mas-27 bank ċentrali nazzjonali fl-UE f’network imsejjaħ is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali.

Stqarrija tal-missjoni
“Fil-BĊE, aħna nemmnu li d-diversità toħloq l-eċċellenza – timijiet aktar diversi jfissru firxa usa’ ta’ opinjonijiet li jwasslu għal riżultati aħjar u aktar robusti. Id-diversità tal-BĊE tirrifletti s-soċjetà li naħdmu għaliha. Għalhekk għandna l-għan li nrawmu ambjent tax-xogħol divers u inklużiv, fejn l-impjegati kollha huma rispettati u mogħtija s-setgħa li jagħmlu impatt għall-Ewropa”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-BĊE.
Kuntatt: diversityinclusion@ecb.europa.eu


Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ilha l-awditur estern tal-UE sa mit-twaqqif tagħha f’Ottubru 1977. L-għan tal-QEA huwa li ttejjeb il-mod kif jiġu ġestiti l-finanzi tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-obbligu ta’ rendikont pubbliku rigward iż-żieda u l-infiq tal-baġit tal-UE permezz ta’ aċċertament u pariri. Il-QEA hi waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE: hi bbażata fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 awditur, staff ta’ appoġġ u amministrattiv tan-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.

Stqarrija tal-missjoni
“Fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għandna l-għan li noħolqu post fejn nistgħu nkunu dak li verament aħna fuq il-post tax-xogħol. Nirrikonoxxu, nirrispettaw u nagħtu valur lill-potenzjal u l-ħtiġijiet uniċi ta’ kull kollega. Nirrispondu għad-diversità tagħna għaliex inqisuha bħala wieħed mill-punti b’saħħithom ewlenin tagħna”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-QEA.
Kuntatt: diversity-and-inclusion@eca.europa.eu


Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) hu l-vuċi tar-reġjuni u l-ibliet fl-Unjoni Ewropea. Huwa jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jagħti pariri dwar liġijiet ġodda li jkollhom impatt fuq ir-reġjuni u l-ibliet (70% tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE).

Il-KtR huwa assemblea politika magħmula minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE (raggruppati skont il-partit politiku u mmexxija mill-President) li ġew eletti fil-livell lokali jew reġjonali (pereżempju, bħala Sindki jew Presidenti ta’ reġjun). Huma jiġu Brussell sa sitt darbiet fis-sena biex jiddibattu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni proposta u jaqblu dwar riżoluzzjonijiet għal aktar azzjoni mill-UE.

Stqarrija tal-missjoni
“Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa impenjat li jiżgura opportunitajiet sħaħ u ugwali għal kulħadd u li jistinka għal post tax-xogħol inklużiv u divers. L-istaff għandu jirrifletti d-diversità fis-soċjetà, u b’hekk isaħħaħ il-kredibbiltà tal-istituzzjoni u jqarribha lejn iċ-ċittadini. Aħna lkoll differenti, u l-membri kollha tal-istaff għandhom iħossuhom apprezzati, ma jħossux li għandhom ibiddlu min huma u jkunu liberi li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-KtR.
Kuntatt: Equal-Opportunities@cor.europa.eu


Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hu forum uniku għall-konsultazzjoni, id-djalogu u l-kunsens bejn ir-rappreżentanti mis-setturi differenti kollha tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi min iħaddem, it-trade unions u gruppi bħal assoċjazzjonijiet professjonali u tal-komunità, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, gruppi tan-nisa, bdiewa, konsumaturi, SMEs, attivisti ambjentali u ħafna aktar. Il-missjoni tiegħu hi li jagħti vuċi lis-soċjetà ċivili organizzata.

Stqarrija tal-missjoni
“Fil-KESE, aħna impenjati favur ambjent tax-xogħol inklużiv għal kulħadd. Aħna nistinkaw biex mhux biss inħarsu l-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, iżda wkoll nippromwovu b’mod attiv id-diversità fi ħdan is-segretarjat ġenerali tagħna. Il-promozzjoni tad-diversità u l-inklużività hija waħda mill-ħames valuri ewlenin tas-segretarjat ġenerali tal-KESE definit fil-pjan ta’ ġestjoni tiegħu 2021-2025”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-KESE billi tikkkuntattja lil egalitedeschances@eesc.europa.eu.
Kuntatt: egalitedeschances@eesc.europa.eu


Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) ġie stabbilit fl-2004, fi Brussell. Bħala l-awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data tal-Unjoni Ewropea, il-KEPD jistinka biex ikun ċentru imparzjali ta’ eċċellenza għall-infurzar u t-tisħiħ tal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, kemm fil-prattika kif ukoll fil-liġi. L-EDPS jipprovdi wkoll appoġġ għas-Segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), korp Ewropew indipendenti magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data tal-UE, stabbilit fl-2016 mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), ibbażat fi Brussell.

Stqarrija tal-missjoni
"Fl-EDPS u l-EDPB aħna impenjati li nippromwovu l-inklużjoni u d-diversità fil-forom kollha tagħha, u nagħtu lil kulħadd opportunitajiet indaqs biex jirnexxi. Aħna nistinkaw biex niżguraw li l-impjegati kollha jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u noffrulhom bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata permezz ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli u ibridi”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-EDPS.
Kuntatt: hrba@edps.europa.eu


Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) hu l-korp diplomatiku tal-Unjoni Ewropea. Dan jipprovdi appoġġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni. Dan jirrappreżenta lill-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kollegi tagħhom tal-Istati Membri tal-UE, fi Brussell u permezz ta’ aktar minn 140 delegazzjoni bilaterali u multilaterali tagħhom fid-dinja.

Stqarrija tal-missjoni
“Fis-SEAE, aħna nippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diversità u l-inklużjoni kemm internament kif ukoll fl-azzjonijiet esterni kollha tagħna. Aħna nistinkaw lejn ġabra diversa ta’ talenti biex intejbu l-perspettiva tagħna u ntejbu l-azzjonijiet tagħna. Aħna nieħdu ħsieb id-dinjità u nimmiraw lejn kultura tax-xogħol inklużiva fejn kulħadd iħossu apprezzat u sikur”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tas-SEAE.
Kuntatt: HR-GENDER-AND-DIVERSITY-POLICY@eeas.europa.eu


L-Ombudsman Ewropew huwa korp indipendenti u imparzjali li jżomm lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE responsabbli u jippromwovi amministrazzjoni tajba. L-Ombudsman jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet li jiffaċċjaw problemi mal-amministrazzjoni tal-UE billi jinvestiga lmenti relatati ma’ amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll billi jinvestiga b’mod proattiv kwistjonijiet sistemiċi usa’.

Stqarrija tal-missjoni
“L-Ombudsman tal-UE huwa impjegatur ta’ opportunitajiet indaqs li jħeġġeġ applikazzjonijiet minn persuni kwalifikati u jfittex li jippromwovi b’mod attiv id-diversità, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà fuq il-post tax-xogħol. Għandna politika ta’ tolleranza żero li tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ fastidju u diskriminazzjoni li jistgħu jaffettwaw lill-membri tal-istaff tagħna”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-Ombudsman Ewropew billi tikkuntattja zinovia.assimakopoulou@ombudsman.europa.eu

Informazzjoni ta' kuntatt:
Sit web: https://www.ombudsman.europa.eu/en/home
Kaxxa postali funzjonali: career@ombudsman.europa.eu
L-indirizz tal-email tal-persuna inkarigata: zinovia.assimakopoulou@ombudsman.europa.eu


Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-fergħa li ssellef tal-Unjoni Ewropea. Il-Grupp tal-BEI għandu żewġ partijiet: il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment. It-tnejn li huma għandhom aktar minn 60 sena esperjenza u għarfien espert fil-finanzjament ta’ proġetti. Hu għandu l-kwartieri ġenerali fil-Lussemburgu u network ta’ uffiċċji lokali u reġjonali fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Stqarrija tal-missjoni
“Fil-Bank tal-Investiment tal-UE, id-diversità hija parti integrali mill-valuri, l-identità u l-missjoni tagħna, u tiddefinixxi min aħna istituzzjoni. Nieħdu approċċ olistiku biex niżguraw li d-Diversità, l-Ekwità, l-Inklużjoni u l-Appartenenza ikollhom rwol strateġiku fl-iżvilupp tal-Bank, kemm internament għan-nies tagħna kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati kollha tagħna”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tal-BEI.
Kuntatt: inclusion@eib.org


It-48 Aġenzija u Impriżi Konġunti deċentralizzati tal-UE, li għandhom il-kwartieri ġenerali fl-Istati Membri tal-UE, jolqtu l-ħajja ta’ 440 miljun ċittadin tal-UE kuljum permezz tal-ħidma tagħhom.

L-aġenziji jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-saħħa u s-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja, l-innovazzjoni, ir-riċerka u n-negozju, u s-sistemi ta’ trasport u ta’ satelliti.

Stqarrija tal-missjoni
“Permezz tal-għarfien u l-azzjonijiet ikkombinati tagħna, aħna nikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u nistinkaw għall-iżvilupp ta’ Ewropa aktar sostenibbli, inklużiva u kompetittiva għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE”.

Tgħallem aktar dwar il-politiki u l-prattiki tad-diversità u l-inklużjoni tan-Network tal-Aġenziji tal-UE.
Kuntatt: coordination@euan.europa.eu