
Proċedura ta’ selezzjoni tal-CAST Permanenti

Bil-proċedura tal-CAST Permanenti, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu jirreklutaw aġenti kuntrattwali biex jaħdmu f’diversi oqsma professjonali.
Il-kelma CAST tfisser Għodda ta’ Selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali. Permanenti tfisser li m’hemm ebda skadenza, u l-kandidati jistgħu jissottomettu applikazzjoni fi kwalunkwe ħin.
L-Aġenti Kuntrattwali jiġu rreklutati biex jagħmlu kompiti temporanji ta’ xogħol manwali jew kompiti ta’ appoġġ amministrattiv jew biex jipprovdu kapaċità addizzjonali f’oqsma speċjalizzati fejn ma jkunx hemm numru ta’ uffiċjali biżżejjed bil-kapaċitajiet speċjalizzati disponibbli.
Fil-paġna tagħna dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol tista’ ssib is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess tal-CAST Permanenti għal profili bħall-finanzi, l-affarijiet politiċi/il-politiki tal-UE, is-segretarji u l-iskrivani, it-teknoloġija tal-informazzjoni, il-liġi, il-komunikazzjoni, biex insemmu biss ftit. L-applikanti għandhom isegwu l-istruzzjonijiet assoċjati magħha.
Il-proċedura tirrikjedi li jinħoloq profil tal-EPSO u li tiddaħħal informazzjoni personali, professjonali u edukattiva fil-bażi tad-data CAST.
Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ selezzjoni CAST Permanenti ma tfissirx li l-kandidati jiġu mistiedna awtomatikament għat-testijiet.
Kull meta jinqalgħu ħtiġijiet ta’ reklutaġġ, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jistgħu jfittxu fil-bażi tad-data CAST u jelenkaw numru limitat ta’ applikanti li l-ħiliet tagħhom jaqblu mar-rekwiżiti tal-impjieg inkwistjoni.
Dawn l-applikanti preselezzjonati se jiġu mistiedna jagħmlu testijiet organizzati mill-EPSO: testijiet b’għażla multipla (MCQ) ibbażati fuq il-kompjuter li jinkludu raġunament verbali, numeriku u astratt; test tal-kompetenza (għarfien fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni) jew test tal-komprensjoni tal-lingwa (għall-profili lingwistiċi). Sakemm isiru aġġustamenti għas-sistema tal-ittestjar, l-EPSO se jkun responsabbli biss għall-organizzazzjoni tat-testijiet ta’ raġunament, iżda mhux għat-testijiet ta’ kompetenza. Is-servizzi ta’ reklutaġġ tal-istituzzjonijiet tal-UE se jadattaw il-proċedura ta’ selezzjoni tal-Aġenti Kuntrattwali kif xieraq, u se jżommu lis-servizzi rilevanti tagħhom infurmati dwar il-proċedura applikabbli.
Dawk li jirnexxilhom jgħaddu mit-testijiet jistgħu jiġu mistiedna għal intervista u eventwalment jiġu reklutati.
Tgħallem aktar dwar il-proċess fil-paġna tal-CAST Permanenti tagħna li minnha tista’ tapplika direttament.