Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea

Kompetizzjonijiet tal-Parlament Ewropew għall-Amministraturi (AD6) ta’ nazzjonalità Awstrijaka u Olandiża

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jorganizza żewġ kompetizzjonijiet miftuħin (fil-grad AD6) biex ikollu lista ta’ kandidati xierqa minn fejn ikun jista’ jirrekluta ċittadini tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju tan-Netherlands.

L-għan ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni speċifika għan-nazzjonalità hu li jitwessa’ l-għadd ta’ rekluti futuri possibbli u li jiġu rimedjati l-iżbilanċ u s-sottorappreżentanza sinifikanti eżistenti taċ-ċittadini Awstrijaki u Olandiżi fost l-uffiċjali tal-Parlament.

Il-profil imfittex hu ta’ amministratur għas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew b’numru mmirat ta’ 30 kandidat xieraq ta’ nazzjonalità Awstrijaka u 90 kandidat xieraq ta’ nazzjonalità Olandiża.

Il-maġġoranza sinifikanti tal-pożizzjonijiet fil-Parlament Ewropew huma bbażati Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu (il-postijiet ta’ ħidma ewlenin tal-Parlament) skont il-ħtiġijiet tas-servizzi tal-Parlament. Id-dmirijiet jistgħu jinvolvu vvjaġġar bejn il-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament.

Ir-reklutaġġ se jkun fil-grad AD6, l-ewwel skala, li s-salarju bażiku tiegħu hu ta’ €6,231,42 fix-xahar

Il-Parlament Ewropew huwa impjegatur li joffri opportunitajiet ta’ xogħol indaqs u jilqa’ l-applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fatturi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija fi ħdan minorità nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

L-amministraturi fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew jaħdmu f’firxa wiesgħa ta’ oqsma. Iwettqu dmirijiet ta’ management, ippjanar u riċerka li jistgħu jinkludu diversi attivitajiet, skont f’liema pożizzjoni tad-dipartiment tas-Segretarjat jiġi reklutat il-kandidat xieraq.

Kriterji tal-eliġibbiltà:

–          int ċittadini tal-Awstrija/tan-Netherlands;

–          tgawdi d-drittijiet kollha bħala ċittadin;

–          wettaqt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

–          tista’ tipproduċi r-referenzi adegwati dwar il-karattru tiegħek meħtieġa sabiex tiġi aċċertata l-idoneità tiegħek għat-twettiq tad-dmirijiet ikkonċernati.

Irid ikollok livell tal-edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji sħaħ ta’ mill-inqas tliet snin, iċċertifikati b’diploma rikonoxxuta b’mod uffiċjali f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Irid ikollok mill-inqas sentejn esperjenza professjonali rilevanti għall-attivitajiet elenkati fid-deskrizzjoni tal-impjieg (jiġifieri fl-oqsma ta’ ħidma: l-għoti ta’ pariri u appoġġ lill-Membri tal-Parlament u l-korpi parlamentari, il-management tar-riżorsi, il-liġi, il-politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, l-IT, is-sikurezza u s-sigurtà tal-IT, il-management tal-proġetti). 

Irid ikollok għarfien komplut (minimu ta’ livell C1) tal-Ġermaniż (lingwa 1)/l-Olandiż(lingwa 1) , u għarfien sodisfaċenti (minimu ta’ livell B2) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea (lingwa 2): il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Grieg, il-Ġermaniż, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol jew l-Iżvediż.

Stadji tal-kompetizzjoni:

1.     Preselezzjoni (test MCQ) u kontroll tal-eliġibbiltà

a)     Preselezzjoni (test MCQ)

b)     Kontroll tal-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifiċi

2.     Testijiet

a)     Test tal-abbozzar

b)     Intervista

Kif tapplika:

Trid tapplika permezz tal-pjattaforma Apply4EP.

Jekk jogħġbok aqra aktar fil-paġna ddedikata tas-sit web tal-Parlament Ewropew.

Skadenza għall-applikazzjonijiet:  12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell, fit-12 ta’ April 2024.